Monday, April 27, 2026

Ippreżentat il-pjan tal-Wellbeing Centre tal-Fondazzjoni Richmond li se jsir fuq art mogħtija mill-Gvern

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Fondazzjoni Richmond, ippreżentaw il-pjan ta’ Wellbeing Centre fuq art fil-Mosta li ġiet mogħtija mill-Gvern. F’dan iċ-ċentru se jkun hemm spazji rikreattivi, edukattivi u terapewtiċi f’ambjent modern u mibni apposta għall-ħtiġijiet tas-servizzi tas-saħħa mentali.

Dan il-proġett jirrappreżenta investiment li qed isir fosthom b’allokazzjoni finanzjarja ta’  €5.3miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fondi Ewropej li alloka l-Gvern għal dan il-proġett biex jitwettaq.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni ħolistika tal-Gvern biex, flimkien ma’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond u s-soċjetà ċivili, jingħataw l-aqwa servizzi lin-nies li jkunu għaddejjin minn sfidi. 

Huwa żied jgħid kif illum il-ġurnata qed issir aktar diskussjoni dwar il-ħtieġa li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa faħħar il-ħidma siewja tal-Fondazzjoni Richmond biex tkompli tegħleb l-istigma li għadha teżisti dwar is-saħħa mentali. Dr Abela qal ukoll li l-Gvern qed ikompli jimbotta ’l quddiem il-proġett tal-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali f’Mater Dei.

Il-Prim Ministru nnota kif fi ftit aktar minn għaxar snin, il-Fondazzjoni Richmond żiedet is-sessjonijiet terapewtiċi tagħha b’madwar għaxar darbiet. Kif ukoll għamel referenza għall-Mental Health First Aid Course, li sal-lum għamluh aktar minn 11,000 persuna, fosthom studenti fis-sekondarja. Hawn ġie rrimarkat kif il-ftehim biex isir il-proġett tal-Wellbeing Centre jsegwi ħidma bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni f’servizzi mogħtija marbuta mas-saħħa mentali.

Dr Abela saħaq li huwa kruċjali li s-soċjetà tkompli tinvesti fis-saħħa mentali ta’ xulxin. Qal li organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond huma pedina importanti biex pajjiżna jkompli jibni soċjetà li tempatizza, taħseb f’ħaddieħor u toffri spalla lil min ikun għaddej minn diffikultajiet.

Il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid li minkejja dinja mimlija sfidi ġeopolitiċi u pressjonijiet fil-qasam tal-enerġija, il-prijorità soċjali tibqa’ wkoll waħda ċentrali għal Malta. Qabel l-indirizz tiegħu, flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema u persuni li jirċievu s-servizzi mingħand il-Fondazzjoni Richmond.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jaslu fejn jagħmlu l-akbar differenza, fil-ħajja tan-nies. “B’investiment ta’ €5.3 miljun minn fondi Ewropej, qed ninvestu mhux biss f’infrastruttura moderna, iżda f’servizzi aktar aċċessibbli, f’ambjent terapewtiku u f’appoġġ konkret għal min għandu bżonn”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa żied jgħid li dan huwa investiment fil-bniedem, fil-kwalità tal-ħajja u f’futur aktar inklussiv u sensittiv.

Il-Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar, qalet, “Il-Wellbeing Centre tal-Fondazzjoni Richmond se jkun pass ieħor importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Dan iċ-ċentru huwa mfassal biex joffri ambjent sigur, dinjituż u terapewtiku, b’faċilitajiet moderni li jwieġbu għall-ħtiġijiet reali tan-nies u tal-familji tagħhom.”

Hija żiedet tgħid li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni mal-Gvern u bl-appoġġ tal-fondi Ewropej, “Se nkunu nistgħu nkomplu noffru servizzi aktar komprensivi u aċċessibbli, filwaqt li nkomplu naħdmu biex innaqqsu l-istigma u nsaħħu l-għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali.”

Il-Wellbeing Centre tal-Fondazzjoni Richmond se jkun jinkludi kmamar dedikati għat-terapija, spazji għall-familji u żoni għat-taħriġ, biex ikun jista’ jappoġġja firxa wiesgħa ta’ servizzi marbuta mas-saħħa mentali f’ambjent sigur, dinjituż u aċċessibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport