Thursday, March 28, 2024

“Time up għal dawk li jaħsbu li jistgħu jixtru l-inġenji u jibdew iwaqqgħu, iħaffru u jibnu”

Aqra wkoll

“Is-soċjetà għandha jedd li tistenna ġustizzja u min jonqos u jieħu attitudni ta’ cowboy jaf li għandu l-konsegwenzi”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq One Radio waqt li kompla biex jelabora dwar il-qafas ġdid ta’ regolamenti fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi approvat mill-Kabinett fl-aħħar jiem.

Dr Abela qal li għall-ewwel darba se jkun qiegħed jiġi inkluż il-prinċipju ta’ liċenzja li kull min ikun qiegħed iwettaq attività ta’ twaqqigħ, skavar ta’ sit u l-eventwali bini jrid ikun liċenzjat.

Mingħajr ma pponta swaba’, il-Prim Ministru qal li kien hemm eventwalità sa minn żmien gvern Nazzjonalista fejn ħadd ma ħass il-ħtieġa li jirregola minkejja li kien hemm anke dak iż-żmien, inċidenti anke fatali.

“Illum qegħdin nimxu lejn il-liċenzjar tal-kuntratturi kollha li jaħdmu f’dan is-settur anke bħala waħda mill-wegħdi elettorali tal-manifest Malta Flimkien”, żied jgħid il-Prim Ministru.

Tkellem ukoll dwar il-każ tas-sit f’Birkirkara u qal li dak kien każ fejn min kien responsabbli aġixxa ta’ cowboy u li l-awtorità mill-ewwel intervjeniet biex mhux biss twaqqaf ix-xogħol, iżda anke toħroġ il-multi rispettivament.

“Time up għar-regola li ilha ġejja minn għexieren ta’ snin ta’ min jixtri l-inġenji, taħdem inti jew taħdem b’nies miegħek u tista’ tmur f’sit ta’ kostruzzjoni u tista’ tibda twaqqa’, tħaffer u tibni issa trid tispiċċa”, saħaq il-Prim Ministru.

Huwa kien ċar ukoll li kull min ma jissodifax il-kriterji tal-liċenzja mhux se jingħata liċenzja u ma jkunx jista’ jopera. Barra minn hekk, għal min ma jaħdimx skont it-termini hemm multi, sospenzjoni tal-liċenzja u saħansitra revoka tal-liċenzja. 

Ekonomija

Sport