Friday, May 3, 2024

Tingħata kisja asfalt il-karreġġjata tat-Tramuntana fil-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata tal-lum bdiet tingħata kisja asfalt il-karreġġjata tat-Tramuntana ta’ Triq l-Ewwel Tirjira biex b’hekk il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop ikompli jersaq lejn it-tmiem.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €10 miljun u jikkumplimenta proġetti maġġuri oħra li għamlet l-aġenzija tal-Gvern, bħal dak tal-junction tal-Marsa.

Il-proġett se joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi, kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.

Apparti hekk, permezz ta’ dan il-proġett se jittejjeb l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport.

Permezz ta’ dan il-proġett se jiġu eliminati ukoll żewġ żoni magħrufin li kienu suxxettibbli għall-inċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li l-vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts.

Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji ta’ inċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota.

Sport