Saturday, May 4, 2024

Tisħaq fuq pjan t’azzjoni li jindirizza l-problema tal-Bagħal taż-Żunżan

Aqra wkoll

Il-Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija li hi organizzazzjoni ġdida u li taħdem favur il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija qalet li fit-30 ta’ Awwissu 2022 bagħtet ittra miftuħa dwar il-kwistjoni tal-Bagħal taż-Żunżan. 

Din l-ittra ġiet mibgħuta lill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA), lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża kif ukoll lill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

F’din l-ittra l-organizzazzjoni spjegat li f’dawn l-aħħar snin iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis) saret allarmanti u li sal-lum għadu sar biss studju preliminari dwar dan l-insett indiġenu. 

Għalkemm fil-passat jidher li dan kien speċi rari fil-Gżejjer Maltin, riċentament iż-żieda fil-firxa u numri hi sostanzjali u sinjifikanti. Dan qed iwassal sabiex din il-problema qed tkun ta’ theddida għall-apikultura lokali kif ukoll għan-nies inġenerali. 

L-organizzazzjoni żiedet tgħid li frieħ u kolonji tan-naħla tal-għasel qed jiġu kontinwament assedjati minn dan il-Bagħal taż-Żunżan. Il-perjodu ta’ preżenza ta’ dan l-insett pesti hu wieħed sostanzjali (bejn 2-3 xhur kull sena) u konsegwentement;

  • In-naħħala ma jistgħux jagħmlu frieħ ġodda għax dawn jiġu jispiċċaw fix-xejn fil-preżenza ħostili tal-Bagħal taż-Żunżan. Minħabba f’hekk il-perjodu ta’ dan il-proċess sar limitat ħafna, u dan il-fattur inaqqas b’mod dirett is-sostenibbiltà tas-settur għax ma jkunx hemm biż-żejjed tiġdid fil-kolonji tan-naħal minn sena għal oħra.
  • It-telf ta’ ħafna naħal ifisser tnaqqis fil-popolazzjoni tal-kolonji, liema kolonji ma jkunux jistgħu jkunu produttivi biżżejjed fl-istaġun tal-għasel li jkun imiss. Dan ifisser telf fil-produzzjoni tal-għasel u għalhekk inaqqas mis-sostenibbiltà tas-settur.
  • Għalkemm in-naħla lokali (Apis mellifera ruttneri) għandha tipi t’adattament sabiex tipproteġi lilha nnifisha kontra din l-insett, il-problema tant saret kbira li qas dawn m’huma biżżejjed. Konsegwentament biex issalva lilha nnifisha din jaf tissakkar fil-kaxxa flok toħroġ tiġbor in-nektar u trab tad-dakra. Anke mil-lat ta’ konservazzjoni tan-Naħal Maltija li hi endemika għal gżejjer Maltin, dan l-insett sar theddida.

“L-imsemmija konsegwenzi huma fost l-ilmenti miġbura ta’ ħafna naħħala u nies inġenerali. Għalhekk hu fl-interess ta’ kulħadd li tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibli fuq din il-problema reali, għaliex jekk le, il-konsegwenzi dejjem se jintensifikaw f’ċiklu vizzjuż. Nifhmu li dan hu insett indiġenu u għalhekk ma jistax jiġi eradikat kompletament. Però hemm bżonn li l-popolazzjoni tiegħu, li żdiedet b’mod artifiċjali minħabba effetti antropoġeniċi, tiġi kkontrollata għal livelli li jkunu sostenibbli. Għaldaqstant, qed nitolbu li jiġi mfassal pjan ta’ azzjoni serju, f’koordinazzjoni bejn entitajiet governattivi u NGOs relevanti (direttamanet jew indirettament) u tiġi indirizzata din il-problema f’kooperazzjoni sħiħa – biex b’hekk ir-riżultati milħuqa jkunu dejjiema,” qalet l-organizzazzjoni. 

Sadanittant, l-imsemmija organizzazzjoni ħarġet ukoll xi linji gwida ta’ x’jista’ jagħmel naħħal biex itaffi ftit mill-problema. Madankollu saħqet li l-ebda naħħal ma jista’ jsolvi din il-problema waħdu u għalhekk jibqgħu jesiġu li jkun hemm pjan ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali. Bħala mitigazzjoni għan-naħħala din l-organizzazzjoni qed tissuġġerixxi;

  • Tagħmilx frieħ tan-naħal iktar tard minn Mejju u meta tagħmel il-frieħ assigura li hemm numru sostanzjali ta’ naħal, ħalli kif jibda l-assedju tal-Bagħal taż-Żunżan (f’Awwissu u li jdum sa xi nofs Ottubru) ikollhom popolazzjoni kbira biżżejjed. Importanti li tibqa’ titma’ lill-frieħ ħalli dawn iżidu fin-numru ta’ naħal. Nifhmu li din hi problema għax qsar ħafna l-perjodu ta’ meta jistgħu jsiru l-frieħ. Meta nikkunsidraw li minħabba l-bioloġija ta’ kif jitgħammar in-naħal, hu diffiċli li jsiru frieħ ġodda iktar tard fil-ħarifa u fix-xitwa.
  • Proteġi lill-frieħ billi tara li l-kaxxa ma tkunx kbira u l-entratura tkun żgħira ħafna. B’hekk in-naħal ikollu iktar kontroll fuq l-ispazju intern u tkun iktar diffiċli għall-Bagħal taż-Żunżan li jidħol fil-kaxxa.
  • Aqta’ inqas għasel (u nagħtu iktar ikel) biex in-naħal ikollu biex jgħix waqt l-assedju li fih jew joqgħod ġewwa jew joqgħod jinħela jiġġieled mal-Bagħal taż-Żunżan. Intrinsikament, dan jagħmel is-settur inqas sostenibbli għax mhux talli n-naħal qed jitlef milli jiġbor in-nektar tal-Ewkaliptus li jwarrad f’dan il-perjodu u għalhekk qed iffiser staġun inqas ta’ għasel. Imma n-naħħal qed ikollu jidħol għal spejjeż addizzjonali biex jitma’ lin-naħal u/ jew ma jiġborx għasel. Apparti li t-telf ta’ ħafna naħal ifisser tnaqqis fil-popolazzjoni tal-kolonji, liema kolonji ma jkunux jistgħu jkunu produttivi biżżejjed fl-istaġun tal-għasel li jkun imiss.
  • Ara li trabbi n-naħla endemika Maltija (Apis mellifera ruttneri) għax din hi l-aktar waħda addattatha għal din is-sitwazzjoni. Importanti wkoll li ma jiġix importat naħal minn barra, sabiex mhux biss ikun evitat l-introduzzjoni ta’ mard u pesti ġodda imma wkoll ma jintilifx l-adattament li għandha n-Naħla Maltija minħabba taħlit ma’ subspeċi barranin, li wkoll jagħmel lis-settur inqas sostenibbli.
  • B’responsabiltà, jistgħu jsiru nases sabiex jinqabad dan l-insett. Però huwa wkoll importanti li nassiguraw li dawn l-istess nases ma jkunux ta’ periklu għal xi speċi oħra.

Sport