Thursday, April 18, 2024

Tissokta l-kriżi fl-ajruporti tal-Istati Uniti hekk kif iktar titjiriet jiġu kkanċellati

Aqra wkoll

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fl-Istati Uniti għal darb’oħra numru kbir ta’ titjiriet kellhom jiġu kkanċellati minħabba l-pandemija u t-temp ħażin. 

Matul il-jum tas-Sibt madwar id-dinja kien hemm xejn inqas 4,400 titjira li kellhom jiġu kkanċellati, bil-maġġoranza tagħhom – 2,500 – ġewwa l-Istati Uniti. Il-linji tal-ajru Amerikani ilhom jiem sħaħ jiffaċċjaw problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema hekk kif ħafna mill-membri tal-ekwipaġġ spiċċaw fi kwarantina minħabba li kellhom kuntatti ma’ persuni infettati. Biex tkompli tgħaxxaq, diversi partijiet tal-Istati Uniti ntlaqtu minn maltempati kbar ta’ silġ u b’hekk għadd ta’ titjiriet kellhom jitħassru. Il-maġġoranza ta’ titjiriet imħassra kienu dawk tal-ajruporti ta’ O’Hare u Midway ġewwa Chicago. 

Matul il-jum tal-bieraħ, għadd ta’ persuni kienu qed jippjanaw li jirritornaw lura lejn djarhom wara l-vaganzi tal-Milied. Il-problemi fl-ajru­porti ħolqu konfużjoni kbira u anke inċertezza hekk kif it-temp ħażin mistenni li jkompli jippersisti fil-jiem li ġejjin. Mill-24 ta’ Diċembru ’l hawn iktar minn 12,000 titjira kellhom jiġu kkanċellati ġewwa l-Istati Uniti. 

Min-naħa tagħhom, il-linji tal-ajru qed jipprovaw jattiraw iktar ħaddiema permezz ta’ pagi attraenti, iżda l-unions tagħhom qed jgħidu li l-ħaddiema qed jibżgħu li jlaqqtu l-virus u li jiffaċċjaw ir-rabja tal-passiġġieri. Fil-preżent l-Istati Uniti qiegħda tirreġistra numri kbar ta’ każi ġodda minħabba l-varjant Omicron.

Ekonomija

Sport