Friday, April 19, 2024

Titjira li ttardjat… passiġġieri jingħataw €400 kull wieħed

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Normalment skont ir-regoli Ewropej, titjira li tittardja ma tingħataw kumpens finanzjarju imma assistenza skont il-ħin tad-dewmien. Biss, ftit jafu li kienet ingħatat deċiżjoni mill-Qorti Ewropea li stabbilixxi prinċipju li passiġġieri li jsofru dewmien f’titjira għandhom jingħataw kumpens finanzjarju bħal meta titjira tkun ikkanċellata. Każ ta’ titjira bejn Malta u Poznan li kienet ittardjat b’madwar erba’ sigħat spiċċat quddiem it-Tribunal Industrijali bil-passiġġieri jitolbu kumpens ta’ €400 kull wieħed. 

Fil-proċeduri quddiem it-Tribunal il-kumpanija tal-ajru Ryanair, ma kinitx tat dettalji għad-dewmien, bit-Tribunal jikkwota sentenzi minn qrati barranin li jgħidu li f’każ ta’ dewmien il-passiġġieri għandhom jingħataw kumpens bħal dak ta’ titjira kanċellata, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet straordinarji.

Patrycja Czajka u Jakub Olinski kienu xtraw biljett għal titjira minn Malta lejn Poznan. It-titjira kienet imħaddma minn Ryanair u spiċċat ittardjat b’erba’ sigħat.

It-Tribunal qal li r-regolamenti jgħidu li meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewwma lil hinn mill-ħin skedat – għal sagħejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1,500 kilometru jew inqas jew għal tlett sigħat jew aktar f’każ ta’ titjiriet intra komunitarja kollha ta’ aktar minn 1,500 kilometru u għal titjiriet oħrajn kollha bejn 1,500 u 3,500 kilometru jew għal erba’ sigħat jew aktar fi-każ tat-titjiriet, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti assitenza mit-trasportatur ta’ l-ajru.

It-tribunal qal li t-titjira inkwistjoni  li hi intrakomunitaja ta’ aktar minn 1,500 kilometru u li sabiex telqet kien hemm dewmien ta’ tliet sigħat jew aktar u fil-fatt kien hemm erba’ sigħat, ir-rimedju offrut mir-regolamenti hu  dak ta’ ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew u l-passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex, jew messaġġi fil-fax jew emails.

Intqal li għalhekk li kieku wieħed kellu japplika ir-regolament kif inhu, ir-rimedji offruti għal dewmien bħal dan ma jinkludux kumpens ta’ flus kif qed jippretendu l-passiġġieri. Dak il-kumpens kif mitlub ta’ €400 kull persuni kien ikun dovut kieku it-titjira ġiet imħassra, jgħid it-Tribunal.

It-tribunal qal ukoll li iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta interpretat l-artikoli tar-regolament, assimilat it-tħassir tat-titjria ma’ dewmien ta’ tluq ta’ ajruplan, inkwant jirrigwarda l-applikabilità tar-rimedju ta’ kumpens fi flus u għalhekk permezz ta’ ġurisprudenza introduċiet id-dritt għal kumpens fi flus anke fejn it-titjira ma tkun tħassret iżda sempliċement iddewwmet.  Din is-sentenza ingħatat fil-każ ta’ Christopher Sturgen kontra Condor Flughiens GmbH u Stefan Bock kontra l-Air France. Kien ġie deċiż li d-dewmien ma’ jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru ikun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil kien dovut għal ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiħu evitati.

It-Tribunal qal li Ryanair ma tatx ħjiel ta’ jekk kienx hemm xi ċirkostanza straordinarja biex ikun hemm dewmien u lanqas ma ġie ppruvat li kien hemm xi raġuni għaliex it-trasportatur tal-ajru kellu b’mod raġonevoli jistenna u jdewwem it-tluq tal-ajruplan. Minħabba din in-nuqqas ta’ prova, it-Tribunal għalhekk żgur m’għandux l-għażla li jeżonera lit-trasportatur mir-responsabbilità.

Għalhekk it-Tribunal  qiegħed bl-istess mod jassimila dan id-dewmien ta’ kanċellamaent u jqis li l-passiġġieri għandhom il-jedd li jitolbu l-kumpens fil-fatt mitlub.

It-Tribunall iddeċieda li jilqa’ it-talba tal-passiġġieri, u ordna li l-linja tal-ajru tħallas is-somma ta’ €400 lil kull passiġġieri. Dan irid isir bl-imgħax mid-data li fiha kienet ippreżentata l-kawża, waqt li tħallas ukoll l-ispejjeż tal-kawża.

Sport