Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li tlestew ix-xogħlijiet fi Triq San Duminku, ir-Rabat li timmarka tragward ieħor fl-implimentazzjoni tal-miżura tal-Budget 2026 li permezz tagħha l-Ministeru għal Għawdex qed iwettaq il-proġett ta’ 100 triq residenzjali fi tliet snin.
Il-Ministru Camilleri qal li Triq San Duminku hija s-17-il triq li tlestiet taħt dan il-programm, li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura residenzjali u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Għawdxin.
Qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-wiċċ tat-triq, il-Water Services Corporation wettqet xogħlijiet estensivi ta’ modernizzazzjoni tas-servizzi infrastrutturali. Dawn inkludew it-tiġdid tas-sistema tad-drenaġġ u s-sostituzzjoni tan-network tal-provvista tal-ilma, inkluż permezz tal-installazzjoni ta’ sistema doppja. Bħala parti mill-istess proġett, sar total ta’ 1,100 metru kwadru ta’ tarmak ġdid.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-proġett qed iwassal għal titjib konkret fil-lokalitajiet Għawdxin u li “bit-tlestija tas-17-il triq residenzjali qed inkomplu nwettqu waħda mill-miżuri ewlenin tal-Budget 2026 għal Għawdex. Dan huwa investiment li ma jiffokax biss fuq wiċċ ġdid tat-triq, iżda fuq infrastruttura moderna u sostenibbli li tibda mis-servizzi ta’ taħt l-art. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-Water Services Corporation qed niżguraw li qabel isiru x-xogħlijiet finali, ir-residenti jkollhom sistemi ġodda tal-ilma u tad-drenaġġ. Se nkomplu nwettqu dan il-programm sabiex nilħqu l-mira ta’ 100 triq residenzjali fi tliet snin.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru jibqa’ impenjat li jkompli jwettaq dan il-proġett ta’ investiment fl-infrastruttura residenzjali, bil-għan li aktar familji Għawdxin igawdu minn toroq aktar moderni, aktar siguri u mibnija fuq servizzi infrastrutturali li jservu għas-snin li ġejjin.

