Ġiet imnedija l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Pazjent għal Malta, li se tiggwida l-ħidma fis-settur tas-saħħa għall-perjodu 2026–2035. Għat-tnedija kien hemm preżenti l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof Charmaine Gauci u s-Segretarju Permanenti Dr Renzo De Gabriele.
Ġie spjegat kif din l-istrateġija tpoġġi s-sigurtà tal-pazjent fil-qalba tas-sistema tas-saħħa, bil-għan li kull persuna tirċievi kura sigura, ta’ kwalità għolja, b’rispett u kompassjoni. L-istrateġija hija allinjata mal-viżjoni nazzjonali fit-tul u tirrifletti l-impenn ta’ pajjiż aktar b’saħħtu u ffukat fuq il-benesseri tan-nies.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif il-qafas nazzjonali jinkludi sitt prijoritajiet ewlenin: it-tisħiħ tal-governanza, tisħiħ tas-sigurtà, titjib fil-proċessi tal-kura, appoġġ għall-ħaddiema tas-saħħa, involviment akbar tal-pazjenti, u użu aħjar tar-riċerka u l-innovazzjoni. Saħaq kif dawn se jiġu implimentati permezz ta’ miżuri konkreti bħal sistemi mtejba ta’ rappurtar, investiment fit-taħriġ, użu aktar effettiv tad-data, u koordinazzjoni nazzjonali aktar b’saħħitha.
Il-Ministru Abela qal kif din l-istrateġija hija r-riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ professjonisti, organizzazzjonijiet tal-pazjenti, istituzzjonijiet u l-pubbliku. Tenna kif l-Istrateġija hija mibnija fuq inizjattivi li diġà għaddejjin, inkluż tisħiħ tal-qafas regolatorju u aktar investiment fil-ħaddiema.
Dr Abela saħaq li din mhijiex biss viżjoni fuq il-karta, iżda impenn għal azzjoni konkreta f’kull livell tas-servizz tas-saħħa. Is-suċċess tagħha jitkejjel mill-esperjenza tal-pazjenti, il-benesseri tal-ħaddiema u titjib kontinwu fil-kwalità tal-kura. “Is-sigurtà tal-pazjent hija responsabbiltà ta’ kulħadd u flimkien nistgħu nibnu sistema tas-saħħa aktar sigura u umana għall-ġenerazzjonijiet kollha”, temm jgħid il-Ministru Abela.


