Waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fis-Siġġiewi, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar aktar miżuri li bihom se jgħinu aktar persuni.
Fil-fatt, iż-żewġ miżuri ewlieni li ħabbar il-Prim Ministru kienu dwar persuni separati jew devorzjati u dwar persuni li jkunu qegħdin jakkumpanjaw adulti fi sptarijiet barra minn Malta.
“Se nħabbar hawn li kif fis-snin passati konna ta’ spalla ma dawk li sseparaw jew iddivorzjaw permezz tal-skema tal-equity sharing, anke l-iskema Our Next Home se tkun miftuħa għalikom.
Intom li tridu tibdew ħajja oħra għax ir-relazzjoni tagħkom kellha problemi, mintomx se tkunu waħedkom. Anke intom se titqiesu first time buyers mill-ġdid, u tiffrankaw il-boll fuq ix-xiri ta’ proprjetà.” Hekk ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien fis-Siġġiewi.
Fit-tieni proposta tiegħu li hija parti mill-manifest elettorali INT Malta, il-Prim Ministru qal li “f’din il-kampanja kellmuni koppja u faħħru l-fatt li meta persuna titla’ għal kura barra minn Malta, il-Gvern iħallas għall-pazjent, u jekk ikunu tfal taħt it-18-il sena iħallas għaż-żewġ ġenituri. Imma saqsewni il-Gvern possibli ma jiflaħx ikopri l-ispiża ta’ persuna li tkun qed takkumpanja lil persuna adulta?
“Jekk il-poplu se jkun qiegħed jappoġġja lil dan il-moviment fl-elezzjoni li ġejja, din se tkun waħda mill-ewwel bidliet li se tiddaħħal. Għax Malta trid tkun hemm ma wliedha meta jkunu l-aktar fil-bżonn. Se nkunu qed inkopru dawn l-ispejjeż ukoll,” ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fis-Siġġiewi.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li dan il-Gvern se jkun qiegħed jagħti l-għajnuna tiegħu minn qabel persuna titwieleb. Kien hawn li hu rrefera li koppja li jkunu qegħdin jistennew tarbija, fis-seba’ xahar tqala se jingħataw 5,000 ewro.
Dr Abela fis-Siġġiewi tkellem ukoll dwar miżuri li hemm fil-manifest INT Malta fost l-oħrajn fejn omm se jkollha aktar leave tal-maternità u dan kollu se jkun imħallas mill-Gvern. Qal li dan il-leave jista’ jitqassam bejn l-omm u l-missier skont l-esiġenzi tal-koppja. Filwaqt li semma aktar proposti qal li dawn kollha huma mmirati li l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu aktar ħin ma’ wliedhom.
Il-Mexxej Laburista qal li jekk il-Partit Laburista se jerġa’ jingħata l-fiduċja biex imexxi lil dan il-pajjiż għal ħames snin li ġejjin, se jerġa’ jkun Gvern ta’ spalla ma’ kull ċittadin.
Qal li dan il-Gvern għalhekk bena l-aqwa maġna ekonomija fl-Ewropa biex ikun jista’ jgħin aktar u aktar nies l-aktar dawk persuni vunerabbli fosthom ġenituri li għandhom tfal b’diżabbilità.
Il-Prim Ministru fis-Siġġiewi fakkar wkoll fi proposta oħra hekk kif Gvern Laburista ġdid se jkun qiegħed jibda diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex l-impjegat ikun jista’ jaħdem remote working.


