Saturday, April 27, 2024

Titqanqal il-biża’ fost l-Ukreni li Izyum tispiċċa bħal Bucha

Aqra wkoll

Bħalissa tinħass il-biża’ fost l-Ukreni li Izyum tispiċċa bħal Bucha — dik il-belt fejn ir-Russi kienu akkużati li wettqu krimini ta’ gwerra, fosthom eżekuzzjonijiet u torturi fuq ir-residenti ta’ Bucha.

Din il-biża’ ġiet imqanqla mill-fatt li skont mhu rrappurtat, il-belt ta’ Izyum hija l-iktar belt Ukrena li għandha l-ikbar numru ta’ suldati Russi u qed tesperjenza ġlied qalil hekk kif ir-Russi qed jużawha bħala bażi biex jattakkaw bliet oħra fil-Lvant tal-Ukrajna. Din il-belt strateġika waqgħet taħt il-kontroll assolut tar-Russi fl-1 t’April li għadda.

Għalkemm uħud mir-residenti ta’ Izyum irnexxielhom jitilqu minn din il-belt qabel ma bdiet l-invażjoni Russa f’Izyum, skont uffiċjali Ukreni hemm madwar 10,000-15,000 persuna maqbuda f’din il-belt.

Dawk l-individwi li rnexxielhom jitilqu minn Izyum, f’intervista ma’ BBC qalu li din il-belt tinsab f’riskju kbir ta’ katastrofi umanitarja.

Uħud mill-mexxejja ta’ Izyum ma naqsux milli jikkummentaw dwar din is-sitwazzjoni. Fosthom insibu lid-Deputat Sindku ta’ Izyum, Volodymyr Matsokin, li iktar kmieni dan ix-xahar iddikjara illi madwar 80% tal-bini residenzjali spiċċa meqrud u li r-residenti ma kellhomx aċċess għall-elettriku, gass u ilma.

Il-Kap tal-Amministrazzjoni Militari ta’ Izyum, Stepan Maselsky, qal li ċ-ċittadini ta’ din il-belt qed titnaqqsilhom il-libertà hekk kif ir-Russi mhumiex iħallu nies jidħlu jew joħorġu minn din iż-żona.

Sport