Tuesday, April 23, 2024

Tiżdied id-domanda għall-kirjiet … Il-Marsa fost l-irħas prezzijiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kien irrappurtat każ ta’ koppja li permezz ta’ filmat fuq il-midja soċjali qajmet reazzjonijiet imħallta b’rabta ma’ kemm din l-istqarrija li bdejna biha hija veritiera.

Din il-koppja Karkariża qalet li minħabba l-kirjiet li hi ddeskriviet bħala m’ogħla s-sema, kellhom joħorġu mill-post fejn kienu jgħixu u spiċċaw jorqdu b’ta’ fuqhom senduqhom fil-Ġnien tal-Istazzjon ta’ Birkirkara.

Ftit tal-jiem wara din il-koppja fortunatament ikkonfermat li sabet l-għajnuna u li kienet qiegħda tgħix ma’ xi qraba tagħha f’post diċenti. Din l-esperjenza spikkat fil-midja għall-mod ta’ kif inxterdet, iżda bħala hawn individwi, koppji u familji oħrajn li jħabbtu għand il-gvern għall-għajnuna minħabba sitwazzjonijiet simili.

Talk.mt tkellem ma’ wħud mill-aġenti tal-proprjetajiet f’pajjiżna fejn staqsa rigward il-prezzijiet tal-kirjiet min-naħa tal-privat biex jagħti stampa aħjar ta’ kemm bl-għajnuniet imsemmija aktar qabel, bosta familji qed isibu jikru bi prezz affordabbli anke minħabba diversi sitwazzjonijiet soċjali.

Staqsejna rigward liema huma dawk il-lokalitajiet bl-ogħla kirjiet u kif ivarjaw dawn l-istess prezzijiet skont il-lokalità. Fost il-lokalitajiet bl-ogħla kirjiet insibu Tas-Sliema, ix-Xemxija, il-Mellieħa, San Ġiljan, is-Swieqi u Pembroke. Skont l-istess aġenti il-kirjiet f’dawn il-lokalitajiet ivarjaw bejn l-€1,000 u l-€2,000 fix-xahar. Min-naħa l-oħra fost lokalitajiet aktar affordabbli insibu l-Marsa, l-Isla, il-Kottonera, Birżebbuġa u Ħal Tarxien. Hawnhekk il-prezzijiet ivarjaw bejn is-€650 u €1,000 fix-xahar.

Aġent partikolari li tkellem ma’ dan is-sit rigward l-anamdent tal-kirjiet qalilna li f’dan is-settur dejjem imħabbtin. Huwa qalilna li matul il-pandemija kien hawn xogħol mod ieħor għax anke minħabba li telgħu ħafna barranin, kellek ċaqliq ’l isfel fejn jidħlu prezzijiet u ovjament ċaqliq minn dawk li jikru li bdew ifittxu kirjiet bi prezzijiet iżjed baxxi.

Spjegalna li wara l-pandemija, id-domanda reġgħet żdiedet sew u għalhekk magħha reġgħu bdew tilgħin il-prezzijiet skont kif indikat iżjed qabel. Din ovjament ħolqot sfidi ġodda minħabba li mhux kulħadd ikun jiflaħ l-ispiża tal-kirja u kkonferma li ammont sostanzjali tal-kirjiet jittieħdu minn persuni li jaċċettaw li jaqsmu l-kirja.

Tnaqqis fil-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà

Xhieda ta’ dan huma ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika maħruġa fl-aħħar jiem rigward il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà. Infatti, skont dawn iċ-ċifri, in-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ propjetà li saru f’Diċembru tas-sena l-oħra ammontaw għal 1,003. Dan ifisser li kien hemm tnaqqis ta’ 28.8% meta mqabbel ma’ dak li kien irreġistrat fl-istess xahar tas-sena 2022. Dan kollu sar b’valur ta’ €255.1 miljun.

585 proprjetà mikrija għall-akkomodazzjoni soċjali fl-2022

Fl-aħħar snin il-moviment Laburista kompla jikseb il-fiduċja tal-elettorat u dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Il-Partit Laburista rikeb fuq strateġija ta’ amministrazzjoni b’ruħ soċjali li twieżen lill-batut.

Fis-sena li għaddiet kien hemm 585 proprjetà mikrija għall-akkomodazzjoni soċjali. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes bi tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet parlamentari li saritlu.
Dawn il-proprjetajiet maqsumin bejn Malta u Għawdex ivarjaw, bl-akbar ammont ta’ proprjetajiet mikrija għal dan l-iskop ikunu proprju f’Birkirkara b’111-il residenza, segwit minn San Pawl il-Baħar b’70 residenza u Ħal Qormi bi 42 residenza.

Min-naħa l-oħra l-inqas lokalitajiet li fihom ngħataw residenzi għal dan l-iskop insibu Ħal Għaxaq, il-Kalkara, il-Mosta, il-Qrendi (Malta), il-Fontana, is-Sannat u Xgħajra (Għawdex). F’dawn il-lokalitajiet kien hemm biss residenza waħda li ngħatat għall-kiri għal dan l-iskop.

Sport