Sunday, December 22, 2024

Tiżdied l-opportunità biex aktar nies jitlaqqmu kontra l-influwenza u bil-booster

Inawgurata klinika ġdida għall-komunità f’Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura klinika ġdida fil-komunità fil-lokalità ta’ Ħad-Dingli. Din il-klinika, fil-qalba tal-komunità, se toffri sitt servizzi lil iżjed minn tlett elef resident ta’ Ħad-Dingli u kif ukoll residenti ta’ lokalitajiet fil-madwar. Dawn is-servizzi huma l-klinika tat-tabib tal-familja, il-klinika tal-infermiera, servizz tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma, servizz ta’ podjatrija, fiżjoterapija u kif ukoll servizz ta’ ħaddiema soċjali.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fakkar kif din hija t-tnejn u għoxrin klinika li qed tiġi inawgurata mill-Kura tas-Saħħa Primarja fl-aħħar ħames snin, filwaqt li tenna l-impenn tal-Ministeru għas-Saħħa sabiex ikomplu għaddejjin proġetti simili f’iktar ibliet u rħula madwar Malta u Għawdex. “Fil-ġimgħat li ġejjin se jkollna l-opportunità li ninawguraw iżjed kliniċi fil-komunità sabiex inżidu l-aċċess għal iżjed servizzi tas-saħħa lir-residenti, biswit darhom. B’hekk nistgħu napplikaw politika tas-saħħa preventiva li tippermetti li dak li jkun jieħu ħsieb saħħtu, bl-inqas inkonvenjent possibbli.”

Il-proġett li kien jinkludi r-rinovar tal-binja u x-xiri tal-apparat mediku kien iffinanzjat mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru fakkar kif minn nhar it-Tnejn 9 t’Ottubru se tibda l-iskeda tat-tilqim tal-influwenza u tal-booster tal-COVID-19 miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha u mill-kliniċi fil-komunità skedati. Huwa fisser kif l-ewwel ġimgħa ta’ tilqim se tkun iddedikata għall- persuni ta’ ’l fuq minn 55 sena, persuni b’kundizzjonijiet kroniċi, nisa tqal, persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet u ħaddiema fis-settur tas-saħħa. Mit-Tnejn 16 t’Ottubru, il-vaċċini tal-influwenza u tal-booster tal-COVID-19 ikunu disponibbli għall-adulti kollha, filwaqt li mis-Sibt 28 t’Ottubru titnieda l-vaċċinazzjoni għat-tfal.  Huwa fakkar kif din is-sena ngħaqdu wkoll il-Kunsilli Lokali f’din il-kampanja ta’ vaċċinazzjoni u għalhekk żdiedet iżjed l-opportunità li kull persuna tirċievi dawn il-vaċċini, bla ħlas.

Ekonomija

Sport