Fl-aħħar jiem f’laqgħat intensivi kompliet il-battalja fl-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar in-Net Zero Framework. Dawn huma pjani dwar it-tbaħħar kummerċjali u tnaqqis fl-emissjonjiet li dwaru hemm diverġenzi kbar bejn diversi pajjiżi minħabba interessi diversi. Malta, bħala wieħed mill-akbar reġistri tal-bastimenti għandha interessi diversi u għalhekk f’dawn il-laqgħa il-pożizzjoni ta’ Malta qiegħda tirrifletti id-difiża ta’ dawn l-interessi bl-akbar tħassib ikun jista’ jiġi affettwat il-Port Ħieles u l-flotta ta’ bastimenti reġistrati f’Malta.
Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA fl-aħħar laqgħa li saret fl-aħħar jiem baqa’ ma’ intlaħaqx ftehim. L-istess sorsi qalulna li “għalkemnm ma intlaħaqx ftehim, nistgħu ngħidu li kien hemm progress żgħir dwar id-dettalji tekniċi.
Il-punt l-aktar diskuss u sensittiv jibqa’ l-carbon pricing, jiġiferi kemm għandu jkun, kif se jinġabar u kif se jintużaw dawk il-flus. Għad hemm differenzi kbar fuq in-Net-Zero Fund, l-ispiża għall-industrija u kemm huma disponibbli fjuwils alternattivi.” L-istess sorsi qalulna li “n-negozjati jerġgħu jkomplu fit-23 ta’ Novembru 2026,. Għalina bħala pajjiż, dan ifisser li għad m’hemmx ‘carbon price’ finali tal-IMO li Malta trid tħallas u dan huwa importanti ħafna għall-Port Ħieles”. L-istess sorsi qalulna li “f’dawn il-laqgħat qegħdin niddefendu l-pożizzjoni u l-interessai ta’ Malta. Wieħed mill-akbar tħassib tagħna hu li jekk il-‘carbon pricing’ taħt l-EU ETS jagħmel port Ewropew aktar għali minn port fl-Afrika ta’ Fuq, operaturi ta’ kumpaniji tal-bastimenti jistgħu jiddeċiedu li jibdlu r-rotot tagħhom.”
F’dawn il-laqgħat intensivi, fejn fuq in-naħa opposta hemm l-Istati Uniti – li dawn litteralment ma jaqblux mal-idea ta’ sistema li titlob ħlasijiet obbligatorji u tqiegħed id-dħul f’Net-Zero Fund amministrat mill-IMO. Fl-aħħar negozjati, l-Istati Uniti komplew jagħmlu din il-kwistjoni bħala “linja ħamra”.
Minn naħa tagħha, Malta tappoġġja sistema globali, għax tippreferi li l-vapuri kollha jkunu taħt l-istess regoli. Dan jitqies bħala li jnaqqas il-carbon leakage u d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Malta hi favur ukoll prezz tal-Carbon li jkun b’saħħtu u dan biex jagħmel investiment fi fjuwil nadif u teknoloġiji attraenti. Malta iżda hi għal kollox kontra li jkun hemm EU ETS u mbagħad IMO ‘carbon charge’. L-istess sorsi qalulna li Malta qiegħda tinsisti li s-sistemi jkunu armonizzati biex ma jkunx hemm piż doppju fuq l-istess emissjonijiet. L-istess sors qalilna li dawn il-laqgħat huma importanti ħafna għal Malta u fihonm qiegħda ssir ħidma kbira. L-istess sors qalilna li “biżżejjed ngħidlek li jekk l-IMO framework jieħu post parti mill-EU ETS, Malta tista’ titlef ammont sinifikanti ta’ dħul li bħalissa jista’ jintuża għal investiment marbut mal-bidla fil-klima u għal infrastruttura marittima.”
L-IMO Net-Zero Framework hu pjan internazzjonali biex it-tbaħħir kummerċjali jnaqqas ħafna l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jasal għal emissjonijiet net-zero madwar is-sena 2050. Il-pjan hu li l-ammont ta’ Green House Gases (GHG) li jiġi prodott għal kull unità ta’ enerġija għandu jonqos gradwalment. Jekk vapur iniġġes aktar mil-limitu, ikollu spiża u allura dawk li jaqbżu ċerti limiti jkollhom jixtru “remedial units” jew jikkontribwixxu għall-IMO Net-Zero Fund. Mill-banda l-oħra bsastimenti li jużaw fjuwils nodfa jistgħu jiġu ppremjati
Minkejja n-negozjati u d-diskussjonijiet il-pajjiżi għadhom ma jaqblux fuq kemm għandu jkun strett il-qafas u, speċjalment, fuq min se jħallas u kemm. Fl-aħħar laqgħa fejn jidħol il-Carbon pricing kien hemm xi pajjiżi li riedu mekkaniżmu b’saħħtu li jagħmel it-tniġġis aktar għali imma oħrajn ma qablux għax dan iżid ħafna l-ispejjeż tal-vapuri u tal-kummerċ. Hemm nuqqas ta’ qbil dwar kemm hu realistiku li vapuri jaqilbu malajr għal fjuwils bħal ammonia, methanol u fuels oħra. Xi pajjiżi jinsistu li l-fjuwil irid ikun disponibbli u affordabbli qabel ma jiġu imposti rekwiżiti stretti.
Argument jaħraq hu dwar in-Net-Zero Fund fejn hemm argument dwar kif jinġabru u kif jintużaw il-flus. Pajjiżi żgħar u vulnerabbli jridu fond b’saħħtu biex jgħinhom ilaħħqu mal-ispejjeż tat-tranżizzjoni, filwaqt li oħrajn jippreferu mekkaniżmu aktar flessibbli. Hemm Stati li jibżgħu li regoli globali stretti jistgħu jgħollu l-prezz tat-trasport u tal-importazzjonijiet b’mod sproporzjonat, speċjalment għal gżejjer żgħar u pajjiżi li jiddependu ħafna fuq it-tbaħħir.
L-effett fuq Malta?
In-Net-Zero Framework m’hemmx dubju li se jkollu effetti fuq pajjiżna u hu proprju għalhekk li għaddejja ħidma biex jitħarsu l-interessi ta’ pajjiżna. Jekk inħarsu lejn il-Port Ħieles naraw li dan jista’ affettwat b’mod negattiv. Il-problema hija li Malta għandha port ta’ transhipment li jikkompeti ma’ portijiet mhux tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran. L-EU ETS jagħmel l-emissjonijiet marittimi jiswew flus, u għalhekk hemm riskju li xi operaturi jibdlu r-rotta jew jiddeċiedu li jibdew jagħmlu waqfiet f’portijiet li mhux tal-Unjoi Ewropea biex inaqqsu l-ispiża. “Hu proprju għalhekk li għal Malta sistema globali tal-IMO tista’ tkun vantaġġjuża imma jekk kulħadd ikun qed iħallas taħt l-istess regoli, għax b’hekk ikun hemm inqas lok għal portijiet barra l-Unjoni Ewropea biex joffru vantaġġ sempliċement għax mhumiex taħt l-EU ETS.”
L-istess sors qalilna li “dan jista’ jaffettwa it-traġitti bejn Malta u Għawdex. Irrid ngħid li l-Gvern Malti diġà kiseb li ferries li joperaw taħt Public Service Obligation (PSO) jkunu esklużi mill-EU ETS, li kienet miżura speċifika biex jiġu protetti s-servizzi tal-Gozo Channel. Jekk il-Net-Zero Framework jiġi adottat, l-effett fuq il-prezz tal-vjaġġ lejn Għawdex jiddependi ħafna minn jekk il-vjaġġi jibqgħux protetti bħala PSO, kemm jogħla l-prezz tal-fjuwil u jekk l-operatur ikollux jikkonforma ma’ obbligi ġodda tal-IMO.”

