Sunday, December 22, 2024

Tkompli tikber l-industrija ġdida tal-video game development

Aqra wkoll

“L-istrateġija tal-video game development, li nedejna fl-2018, qed twassal biex aktar kumpaniji lokali u internazzjonali jinvestu f’dan il-qasam f’pajjiżna.” Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri waqt żjara li għamel f’kumpanija lokali tal-igaming KanonGaming.

KanonGaming hija kumpanija Maltija li ilha topera sa mill-2012, li dan l-aħħar qiegħda wkoll tinvesti fil-qasam tal-video game development bil-ftuħ ta’ studio f’pajjiżna stess bl-isem ta’ “epic nuggets”.

Ivan Filletti, Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, spjega kif l-idea li KanonGaming tinvesti fl-industrija tal-video gaming bdiet wara żjara f’Basecamp, f’Gaming Malta. “Hemmhekk il-fundatur ta’ KanonGaming iltaqa’ ma’ waħda mill-istart-up companies fis-settur u ddeċieda li jinvesti f’din l-istart-up,” qal is-Sur Filletti.

Nikolai Livori, fundatur ta’ KannonGaming, spjega kif mill-2012 dejjem ħadmu fil-qasam tal-igaming u reċentement ħadu l-opportunità li jinvestu fis-settur tal-video game development f’pajjiżna stess. “Qed nippruvaw  li nagħmlu bridge bejn l-igaming u l-video game development.”

Il-Ministru Silvio Schembri temm jgħid li, “Dan huwa l-mod kif qed noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda għall-pajjiżna. Setturi li qed narawhom kontinwament jikbru f’pajjiżna u jkomplu jattiraw aktar talent u investiment. Iż-żjara tal-lum turina wkoll kemm kienet deċiżjoni tajba li jkollna inkubatur għal start-ups f’dan is-settur, Basecamp, u kif bl-għajnuna ta’ Gaming Malta nressqu l-investiment lejn it-talent.”

Ekonomija

Sport