Thursday, December 26, 2024

Tlett irġiel akkużati li fl-Għid ħebbew għal raġel f’Wied il-Għajn

Aqra wkoll

Edison u Saimar Lamaj u Artur Muskaj li għandhom bejn 38 sena u 42 sena kollha Albaniżi ġew akkużati li nhar il-Ħadd li għadda kkaġunaw ġrieħi gravi lil raġel wara li ħebbew għalih f’Wied il-Għajn. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.

L-akkużati wieġebu mhux ħatja tal-akkużi u fil-Qorti qalu li jaħdmu fis-sit tal-kostruzzjoni. Edison u Saimar huma aħwa u jgħixu fl-istess residenza.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Avukat Federico Barbaro Sant mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Gabriel Kitcher qalet quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt kif l-vittma kien mar jagħmel rapport l-Għassa ta’ Wied il-Għajn fejn allega li kien involut fi ġlieda ma’ 4 persuni oħrajn.

Hu kien ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Ir-raba’ persuna li allegatament kienet involuta fl-argument ma tressqitx il-Qorti minħabba li ma kkaġuna l-ebda ġrieħi fuq l-allegat vittma.

Kien l-għada li l-akkużati ġew arrestati u mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet fejn ġew interrogati.

L-avukati difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet imputati madankollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.

Il-Qorti laqgħet it-talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw l-Għassa ta’ Wied il-Għajn tliet darbiet fil-ġimgħa. Huma ġew ordnati li jiddepożitaw s-somma ta’ €1,000 kull wieħed u li garanzija personali ta’ €3,000 kull wieħed.

Għall-aħwa Lamaj dehru l-Avukati Jacob Magri u Wilfrid Buttigieg waqt li għal Muskaj dehret l-Avukat Francesca Zarb.

Ekonomija

Sport