Tliet persuni ġew arrestati l-Ħamis waranofsinhar fil-Mosta, wara investigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga. Din l-investigazzjoni waslet għas-sejba ta’ madwar 1.3 kilogrammi sustanza allegatament kokaina, b’valur fis suq li jlaħħaq il-€160,000. Fl-aħħar jiem il-Pulizija wettqet sorveljanza fuq raġel ta’ 31 sena, li allegatament huwa ssuspettat ewlieni fit-traffikar tad-droga.
Din is-sorveljanza waslet biex ġew innutati movimenti suspettużi minn din il-persuna, l-iktar matul il-lejl. Huwa deher kemm-il darba joħroġ minn residenza fi Triq Grognet u jiffrekwenta appartament fi Triq Rużar Briffa fejn allegatament kienu joqgħodu ż-żewġ persuni l-oħra, raġel ta’ 33 sena u mara ta’ 31 sena.
Minn tfittxija li saret fiż-żewġ residenza, minbarra d-droga kokaina, ġew elevati wkoll diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll numru ta’ mobiles u ġojjellerija. Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D li ħatar inkjesta.
Il-persuni arrestati qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem illi ġejjin. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.


