Thursday, December 26, 2024

Tlitt irġiel mixlija li ħatfu raġel, heddewh u pprovaw jisirqulu €5,000

Aqra wkoll

Tliet Serbi baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija li ħatfu raġel, tefgħuh f’karozza, heddewh b’arma tan-nar u pprovaw jisirqulu €5,000.

Emil Curic ta’ 40 sena, Lazar Jerkovic ta’ 27 sena u Vuk Miletic ta’ 22 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar il-25 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tas-7.00 p.m., il-vittma mar l-Għassa ta’ Buġibba jirrapporta li kien għadu kif ġie maħtuf. Minħabba f’dan il-każ, huwa sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-allegat vittma kien jaf lit-tliet imputati għax kienu Serbi bħalu kif ukoll għax jgħixu San Pawl il-Baħar. Huwa kien ukoll jattendi l-iskola ma’ Miletic.

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat li l-verżjoni tal-allegat vittma kienet ikkorraborata minn filmati tas-sigurtà li kien hemm fl-inħawi ta’ fejn seħħ l-allegat ħtif. Tnejn mill-imputati kienu ġew arrestati mir-residenzi tagħhom filwaqt li t-tielet wieħed kien mar minn jeddu d-Depot tal-Pulizija.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi tant li sa jumejn ilu, l-allegat vittma rċieva messaġġi b’theddid b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Maġistrat Camilleri Busuttil qalet li l-Qorti ma kellhiex serħan tal-moħħ li jekk l-imputati jingħataw il-ħelsien mill-arrest, dawn kienu se jaderixxu mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom. Kien għalhekk li ordnat li jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia u Lydon Zammit.

Ekonomija

Sport