Wednesday, April 29, 2026

Tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u f’dawk imċaħħda materjalment u severament

Aqra wkoll

Ir-rata ta’ Maltin u Għawdxin f’esklużjoni materjali u soċjali bejn l-2024 u l-2025 naqset minn 10% għal 8.5%, tnaqqis ta’ 6,000 persuna. Dawk f’qagħda severa naqsu minn 5% għal 3.7%, tnaqqis ta’ 5,000 persuna.

Dan joħroġ mill-kejl uffiċjali tal-Eurostat dwar il-faqar ippubblikat mill-NSO.

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-NSO qed juru separatament il-parti Maltija tal-popolazzjoni għaliha kif ukoll il-popolazzjoni Maltija u barranija flimkien.

Skont dan il-kejl, fl-2025 il-medja ta’ dħul disponibbli tal-familji Maltin kien ta’ €44,216, li kien €4,214 ogħla mis-sena ta’ qabel. L-istatistika turi li naqset sew l-inugwaljanza fid-dħul fejn il-Gini coefficient minn 29.5% niżel għal 27.9%, li kien ifisser tqassim aktar ekwu fid-dħul.

Pożittiv ħafna huwa l-fatt li meta fl-2014, il-livell tar-riskju tal-faqar kien jitkejjel b’livell ta’ dħul ta’ €7,672, u kien hawn 15.9% tal-popolazzjoni jew 66,000 persuna taħtu, illum b’livell ta’ dħul kważi d-doppju ta’ €13,220, il-Maltin u l-Għawdxin f’riskju ta’ faqar niżlu għal 14.4% jew 57,000.

Sinifikanti huwa l-fatt li filwaqt li fl-2014 kien hemm 107,000 persuni, aktar minn kwart tal-popolazzjoni Maltija bi dħul ekwivalizzat anqas minn €8,951 sal-2025 l-għadd ta’ Maltin taħt dan id-dħul ekwivalizzat waqa’ għal 13,000. Dan jirrifletti fi tnaqqis ta’ 94,000 ruħ mill-2014 ’l hawn.

Daqstant sinifikanti huwa l-fatt li waqt li fl-2014 kellna 24% jew kważi 100,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, illum dawn niżlu għal 17.2% tal-Maltin u l-Għawdxin jew 68,000 persuna – tnaqqis sostanzjali ta’ kważi 7 punti perċentwali jew 32,000 persuna fi 11-il sena.

It-tnaqqis fir-rata ta’ Maltin u Għawdxin f’esklużjoni materjali u soċjali bejn l-2024 u l-2025 kien irreġistrat f’kull kriterju li fuqu jitkejjel, għajr f’wieħed. Iżda meta mqabbel mal-2014, dawn juru tnaqqis sinifikanti u sostanzjali ta’ Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fisser li b’riżultat tat-tkabbar ekonomiku, pagi aqwa u investiment soċjali b’saħħtu, kemm l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, u kif ukoll dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, huma ferm anqas milli kienu fl-2014, waqt li naqsu sostanzjalment ukoll dawk imċaħħda materjalment u severament. Dan it-tnaqqis kien reġistrat kemm fost it-tfal, kemm fost dawk tal-età tax-xogħol u kif ukoll fost l-anzjani.

Il-Ministru Falzon kompla jgħid li dan it-tnaqqis sinifikanti huwa riflessjoni diretta tal-opportunitajiet ta’ impjieg li nħolqu, għal fatt li aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol u għall-investiment massiċċ li sar fil-qasam soċjali.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li “fi żmien li fih qed niċċelebraw 70 sena ta’ sigurtà soċjali f’pajjiżna, dan il-progress jimliena b’kuraġġ u ħeġġa biex inkomplu fil-ħidma tagħna biex inkunu dejjem aktar ta’ spalla ma’ dawk fil-bżonn u naraw li nsaħħu aktar is-sinsla soċjali ta’ pajjiżna u nkomplu ntejbu l-għajxien tal-poplu tagħna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport