Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Engineering Resources Limited, ERL, wara proċess ta’ negozjati li ilu għaddej għal dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Dan il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-2025 u l-2030 se jwassal għal titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ madwar 800 ħaddiem tal-ERL li jagħtu servizz lil Enemalta u lil International Energy Service Centre, IESC, sussidjarja tal-Enemalta.
Il-ftehim jinkludi titjib fil-paga bażika, titjib fir-rata tal-overtime, titjib fl-allowances, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet ta’ leave speċjali relatat mal-familja. Dawn il-miżuri ġew maqbula sabiex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-lum u r-realtajiet ġodda li fihom qed jaħdmu l-ħaddiema tal-ERL.
Bla dubju, dan huwa l-aqwa ftehim kollettiv li qatt ġie nnegozjat għall-ħaddiema tal-ERL.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li dan il-ftehim huwa konferma ċara tal-impenn tal-Gvern favur kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, pagi aktar ġusti u rikonoxximent xieraq tal-ħiliet tal-ħaddiema. “Dan il-ftehim kollettiv huwa pass importanti ħafna għall-ħaddiema tal-ERL u għall-familji tagħhom. Wara sena ta’ negozjati serji u kostruttivi, illum qed nagħtu riżultat konkret li jirrikonoxxi l-kontribut, l-esperjenza u d-dedikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Il-ħaddiema tal-ERL kienu u jibqgħu parti essenzjali mill-operat ta’ Enemalta u mis-servizzi relatati mal-enerġija f’pajjiżna, iżda rridu nirrikonoxxu wkoll li ħafna minnhom matul is-snin adattaw ruħhom għal realtajiet ġodda, għal postijiet tax-xogħol differenti u għal snajja’ ġodda. Dan jitlob flessibbiltà, impenn u taħriġ kontinwu, u għalhekk kien xieraq li l-kundizzjonijiet tagħhom jitjiebu b’mod sinifikanti. B’hekk ukoll, flimkien qed inkomplu nsaħħu r-reżiljenza tal-pajjiż,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru żiedet li l-ftehim juri wkoll kif it-tkabbir ekonomiku għandu jissarraf f’benefiċċji diretti għall-ħaddiema. “Il-paga bażika mtejba, ir-rati aħjar tal-overtime, l-allowances imsaħħa u l-kundizzjonijiet aħjar ta’ leave relatat mal-familja huma kollha miżuri li juru li l-ħaddiem qiegħed fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Irridu suq tax-xogħol li jkun kompetittiv, iżda wkoll ġust; suq tax-xogħol li jattira u jżomm il-ħiliet, iżda li fl-istess ħin jagħti dinjità u stabbiltà lill-ħaddiema. Dan il-ftehim jirrifletti proprju dak il-bilanċ. Huwa investiment fin-nies, fil-ħiliet tagħhom u fil-kwalità tas-servizz li jingħata lill-pajjiż,” żiedet il-Ministru Dalli.
Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, qal li, “Dawn in-negozjati ħadu fit-tul għax apparti li biddilna l-kundizzjonijiet tax-xogħol, żidna l-pagi, u żidna l-allowances, introduċejna allowances ġodda għal dawn il-ħaddiema għax id-dinja tax-xogħol tagħhom tinbidel kontinwament. Kien hemm kwistjonijiet oħra ta’ pagi u pensjonijiet li ġew irranġati. Hawnhekk tara s-suċċess tad-djalogu soċjali bejn min iħaddem u l-ħaddiema, u l-irwol tal-GWU fejn tilħaq dak il-bilanċ bejn l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u l-ħtieġa tax-xogħol.”
Min-naħa tagħha, Rita Dimech – Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija fi ħdan il-GWU – qalet li dan il-Ftehim Kollettiv ġdid jirrappreżenta pass ’il quddiem importanti għall-ħaddiema tal-ERL.
“Permezz tiegħu nkisbu titjib sostanzjali fil-pagi, żidiet fil-allowances, kundizzjonijiet tax-xogħol aktar denji, kif ukoll opportunitajiet biex il-ħaddiema jkomplu jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet professjonali tagħhom. Barra minn hekk, ġie rikonoxxut id-dritt li jitħallsu l-overtime bir-rata xierqa, li għal żmien twil kien jingħata b’rata inqas. Dawn il-kisbiet kollha seħħew grazzi għall-ħidma kontinwa u responsabbli tal-kumitat, flimkien mas-sapport qawwi u l-għaqda tal-membri tagħna,” qalet Dimech.
Dan il-ftehim kollettiv għalhekk mhux biss isaħħaħ il-kundizzjonijiet finanzjarji u soċjali tal-ħaddiema, iżda jagħraf ukoll il-valur tal-ħidma tagħhom u l-kontribut kontinwu tagħhom lejn servizzi essenzjali għall-pajjiż.


