Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia żaret il-faċilitajiet ta’ Żebbuġ Rangers fejn ġiet konkluża rinnovazzjoni importanti fil-bini tal-klabb, iffinanzjata permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Din l-inizjattiva hija parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex isaħħaħ l-għaqdiet volontarji u jtejjeb l-infrastruttura komunitarja madwar il-pajjiż.

Matul iż-żjara tagħha, il-Ministru Farrugia rat mill-qrib ix-xogħol estensiv li sar, li ffoka fuq tiswija ta’ partijiet li kienu saru perikolużi, b’mod partikolari s-soqfa u l-ħitan fiċ-changing rooms li kienu ġew affettwati minn infiltrazzjoni ta’ ilma. Din is-sitwazzjoni kienet qed toħloq riskji mhux biss għall-istruttura tal-bini iżda wkoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-plejers, kowċis u voluntiera li jużaw dawn il-faċilitajiet kuljum.
Il-proġett, li sar b’investiment ta’ €15,000, inkluda xogħlijiet bħal tqegħid ta’ madum ġdid, tiswija u waterproofing tas-soqfa, kif ukoll tibjid u tisbieħ tal-post kollu. Dawn l-interventi wasslu biex jinħoloq ambjent aktar sigur, nadif u funzjonali, essenzjali biex it-timijiet ikunu jistgħu jkomplu t-taħriġ tagħhom b’mod konsistenti u mingħajr interruzzjoni.

Il-Ministru Farrugia enfasizzat li infrastruttura adegwata hija kruċjali għall-iżvilupp sportiv, speċjalment fil-livell lokali fejn ħafna mill-attivitajiet jiddependu fuq il-ħidma volontarja. “Meta l-faċilitajiet ikunu f’kundizzjoni tajba, inkunu qed niżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom ambjent sigur fejn jitħarrġu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jadottaw stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu. Dawn il-proġetti ma jindirizzawx biss kwistjonijiet infrastrutturali, iżda jsaħħu wkoll il-kontinwità u l-kwalità tat-taħriġ sportiv,” sostniet il-Ministru.
Hija żiedet li s-settur tal-volontarjat għandu rwol fundamentali fil-komunitajiet Maltin, partikolarment fil-qasam sportiv, fejn ħafna mill-klabbs jiddependu fuq id-dedikazzjoni ta’ voluntiera. “Il-kontribut tal-voluntiera huwa imprezzabbli. Permezz ta’ fondi bħal dawn, qed nagħtu lura lil dawn l-għaqdiet billi nipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex ikomplu joperaw f’ambjent sigur u professjonali,” temmet tgħid il-Ministru.
Il-Ministru Farrugia rrimarkat ukoll li interventi bħal dawn jgħinu biex jiġi evitat li attivitajiet sportivi jiġu sospiżi minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni jew riskji strutturali, u għalhekk jassiguraw li l-plejers ikollhom kontinwità fit-taħriġ tagħhom, fattur kruċjali għall-progress u l-prestazzjoni tagħhom.
Ir-rappreżentanti ta’ Żebbuġ Rangers irringrazzjaw lill-Gvern u lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għall-appoġġ finanzjarju u tekniku mogħti. Huma spjegaw li dawn ix-xogħlijiet kienu meħtieġa b’mod urġenti biex jiġi evitat deterjorament akbar tal-faċilitajiet u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati kemm għall-plejers kif ukoll għall-membri tal-klabb.
Huma żiedu li bl-investiment li sar, il-klabb issa jinsab f’pożizzjoni aħjar biex ikompli jservi lill-komunità, jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ regolari u jilqa’ aktar tfal u żgħażagħ li jixtiequ jipparteċipaw fl-isport.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, f’kumment irringrazzja lill-għaqda tax-xogħol li tagħmel u saħaq li l-Kunsill jieħu gost jara l-impenn ta’ aktar għaqdiet lejn titjib fl-infrastruttura, servizzi u fl-aħħar mill-aħħar soċjetà aħjar.


