Nhar it-Tlieta, il-Parlament Ewropew stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Istati Membri dwar iċ-ċifri ewlenin u l-istruttura tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2028-2034.
Il-Budget tal-UE għall-2028-2034 għandu jiġi stabbilit għal 1.27% tal-ING tal-UE, bis-servizz tad-dejn għall-fond għall-irkupru tan-NextGenerationEU (NGEU) (0.11% tal-ING) jinżamm barra mil-limiti massimi tal-budget, skont ir-rapport interim tal-Parlament, adottat b’370 vot favur, 201 vot kontra u 84 astensjonijiet.
Il-Membru Parlamentari Ewropew ipproponew żieda ta’ madwar 10% meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2025. Din iż-żieda se titqassam b’mod ugwali mat-tliet intestaturi tal-budget li jappoġġjaw il-prijoritajiet tal-UE (esklużi l-amministrazzjoni u l-aġenziji) u se ttaffi l-pressjonijiet inflazzjonarji.
Dan jirrappreżenta żieda nominali ta’ €175.11 biljun (prezzijiet kostanti tal-2025) jew €197.30 biljun (prezzijiet attwali) meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, eskluż il-ħlas lura tal-NGEU. B’mod ġenerali, il-Parlament jipproponi budget ta’ €1.78 triljun (prezzijiet kostanti tal-2025), jew €2.01 triljun (prezzijiet attwali), biex jiffinanzja l-prijoritajiet politiċi u l-objettivi strateġiċi tal-UE.
Il-MPE enfasizzaw li l-budget fit-tul li jmiss li l-budget fit-tul li jmiss tal-UE jeħtieġ li jibqa’ għodda ta’ investiment li tappoġġja l-politiki tal-UE, iċ-ċittadini, ir-reġjuni, in-negozji u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Barra minn hekk, għandu jkun għodda li tiżgura valur miżjud tal-UE meta mqabbel mal-infiq nazzjonali.
Huma opponew bil-qawwa kwalunkwe nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, irrifjutaw approċċ “à la carte” u wissew li l-mudell ta’ “pjan wieħed għal kull Stat Membru” tal-Kummissjoni jista’ jdgħajjef il-politiki tal-UE, inaqqas it-trasparenza u joħloq kompetizzjoni bejn il-benefiċjarji.
Il-MPE jridu politiki b’saħħithom u ffinanzjati b’mod adegwat, b’allokazzjonijiet speċifiċi għall-politiki li jagħmlu parti mill-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali, bħall-politika agrikola komuni u l-politika tas-sajd, u anke għar-reġjuni ultraperiferiċi, il-politika ta’ koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew u l-affarijiet interni. Huma enfasizzaw ukoll li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-programmi.
Il-MPE laqgħu l-proposta tal-Kummissjoni li tirdoppja l-finanzjament għall-kompetittività, id-difiża, l-innovazzjoni, it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura. Huma jappellaw għal aktar appoġġ għal programmi ewlenin bħall-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK), Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, AgoraEU u l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili, kif ukoll finanzjament iddedikat għal azzjonijiet relatati mal-programmi l-UE għas-Saħħa u LIFE taħt il-FEK.
Filwaqt li l-MPE appoġġjaw aktar riżorsi għall-azzjoni esterna, huma jqisu li l-livell propost mhuwiex biżżejjed u jappellaw għal finanzjament aktar b’saħħtu għat-tkabbir, l-iżvilupp, l-appoġġ għall-Ukrajna, il-kooperazzjoni multilaterali u l-għajnuna umanitarja.
Il-MPE enfasizzaw ukoll li s-simplifikazzjoni m’għandhiex iddgħajjef it-trasparenza, ir-responsabbiltà jew is-sorveljanza demokratika. Huma wissew li l-użu mifrux ta’ finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż, jista’ jfixkel l-awditjar. Ir-rapport jissottolinja wkoll li r-rispett għall-valuri tal-UE u l-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni biex jiġu aċċessati l-fondi tal-UE, filwaqt li r-riċevituri finali m’għandhomx jiġu penalizzati għal ksur tal-istat tad-dritt mill-gvernijiet tagħhom.
Il-MPE reġgħu affermaw l-impenn qawwi tal-Parlament li jintroduċi riżorsi proprji ġodda biex jitħallas lura d-dejn tan-NextGenerationEU u jiġi ffinanzjat il-budget. Huma appoġġjaw l-approċċ ta’ “basket” propost mill-Kummissjoni u jenfasizzaw li għandhom jiġu adottati sorsi ġodda ta’ dħul mal-QFP li jmiss. Dawn għandhom jiġġeneraw madwar €60 biljun fis-sena. Jekk jitneħħew xi proposti, huma jitolbu li jiġu kkunsidrati alternattivi, bħal imposta fuq is-servizzi diġitali, imposta fuq il-logħob tal-azzard online, estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM), jew imposta fuq il-gwadanji kapitali tal-kriptoassi.


