Wednesday, April 24, 2024

Tnedija ta’ Programm Psikoedukattiv għall-Anzjani f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

F’attività li saret f’Ħaż-Żebbuġ, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea ħabbar it-tnedija ta’ servizz ta’ psikoedukazzjoni għall-anzjani fl-istess lokalità. Dan is-servizz, bl-isem ‘Insir naf lili nnifsi aħjar’, huwa maħsub biex jgħin lill-anzjani jiffaċċjaw b’mod aktar effettiv sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom matul il-ħajja tagħhom.

Il-programm, li jikkonsisti f’8 sessjonijiet edukattivi mmexxija minn psikoterapista kwalifikata, se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-benesseri mentali tal-anzjani. Il-parteċipanti se jitgħallmu kif jagħrfu u jimmaniġġjaw emozzjonijiet, kif ukoll kif jikkomunikaw u jieħdu ħsieb sitwazzjonijiet diffiċli b’mod aktar effettiv.

Dan is-servizz jingħata f’lokalitajiet oħra u huwa ppjanat li jiġi estiż madwar iċ-ċentri kollha tal-anzjanità attiva. Dan is-servizz jingħata wkoll anke fi kliniċi, kif ukoll ġewwa r-residenza privata tal-anzjani bi problemi ta’ mobilità. Matul l-2023 saru madwar 890 sessjoni kemm fi grupp u anke b’mod individwali.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea esprima l-importanza ta’ dan is-servizz. “Illum qed invaraw dan is-servizz ġdid ta’ psikoedukazzjoni f’Ħaż-Żebbuġ, li huwa maħsub biex jgħin l-anzjani jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli matul il-ħajja tagħhom, u joffrilhom għodod u strateġiji biex jimmaniġġjaw aħjar dawn is-sitwazzjonijiet. Inħarsu ‘l quddiem sabiex dan is-servizz ikompli jingħata madwar iċ-ċentri kollha tal-anzjanità attiva.”

Intant, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva. “Dan il-programm huwa interessanti ferm, fejn qed nipprovdu opportunità unika lill-anzjani tagħna biex jitgħallmu u jtejbu l-benesseri mentali tagħhom”.

Il-programm huwa miftuħ għall-anzjani kollha interessati li jixtiequ jipparteċipaw f’dawn is-sessjonijiet edukattivi. Għal aktar informazzjoni dwar dan il-programm jew għal dettalji dwar servizzi oħra offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jikkuntattja ċ-Ċentru Servizz Anzjan jew jżur il-website uffiċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport