Friday, November 29, 2024

Tnedija tal-pjattaforma diġitali okmalta.com għal xiri online minn ħwienet lokali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri nieda l-pjattorma e-commerce okmalta.com, inizjattiva mis-settur privat li se sservi ta’ pjattaforma diġitali li tiġbor fiha għadd kbir ta’ negozji lokali li qed ifittxu li jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom online.

“Għalhekk nilqa’ l-inizjattiva OKMalta li se sservi ta’ portavuċi b’saħħitha għan-negozji b’mod iżjed kollettiv u li se tkompli tikkumplimenta s-suq eżistenti. Iktar minn hekk, ninnota l-proattività li wrejtu meta lqajtu minnufih għall-isfidi tax-xenarju Brexit; li għalkemm is-suq Ingliż kien wieħed popolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri online, madanakollu f’mument ta’ prova bħal dak tal-pandemija rajtu li tagħtu attenzjoni sħiħa lis-suq Malti, li r-rikonoxximent u l-apprezzamejnt lejh żdied matul dan il-perjodu ta’ sfida,” qal il-Ministru Schembri.

Il-ministru rrefera għal stħarriġ riċenti li sar mill-Malta Communications Authority fost il-konsumaturi dwar l-e-commerce, li wera biċ-ċar li l-maġġoranza tal-Maltin jixtru kemm minn websites barranin kif ukoll minn dawk lokali, anke jekk il-prodotti li jkunu jridu huma varji. Fl-istess waqt, l-istħarriġ juri li qed jaqbdu ritmu b’saħħtu l-użu tal-websites lokali li bl-ispinta li qed tingħata qed ikunu essenzjali għat-tisħiħ tan-negozji. 

“Fil-fatt, meta tanalizza l-kuntest sħiħ ta’ dan l-istħarriġ, wieħed jinnota li minn fost aktar minn 700 persuna li wieġbet għall-istħarriġ, 58% jixtru online u 42% ma jixtrux online. Fl-istess waqt, f’dak li għandu x’jaqsam frekwenza ta’ xiri online, 30% jixtru darba f’xahar bil-maġġorparti tagħhom huma ta’ bejn it-18 u l-24 sena. Iktar minn hekk aspett interessanti huwa li l-aktar età komuni li l-aktar jixtru online fil-ġimgħa għandha iktar minn 65 sena, xenarju li jissuġġerixxi tkabbir. Dan kollu juri kif is-suq lokali qed jaqbad ritmu b’saħħtu, billi fost l-oħrajn qed juża l-mezzi soċjali għal reklamar b’mod innovattiv, qed juża u jfittex għodod ta’ gwida kif ukoll hemm impenn iżjed b’saħħtu biex jiffamiljarizza ruħu bl-aktar mod sigur ma’ dan il-qasam fl-istess waqt li jsostni n-negozju tiegħu”, qal il-ministru.

Is-sid ta’ okmalta.com Mark Bugeja qal li permezz ta’ okmalta.com qed inwittu lokalment triq wiesgħa online għall-bejjiegħa u għan-negozji kollha.

“Nemmnu li dan huwa l-aħjar mod biex tikkumplimenta l-ħanut tal-e-commerce eżistenti tiegħek ma’ ieħor li diġà jinsab f’din it-triq. Immaġina ftit bħallikieku qed tiftaħ ħanut ieħor fi triq ewlenija fil-Belt Valletta, liema triq iżuruha eluf kuljum. Hija wkoll opportunità kbira għal bejjiegħa żgħar biex jagħmlu l-istess mingħajr ma jkollhom jinvestu fi pjattaforma tal-e-commerce tagħhom stess. Il-bejjiegħa għandhom kontroll totali tal-ħwienet tagħhom, pereżempju, jelenkaw prodotti għall-bejgħ, oġġetti barra mill-istokk, jelenkaw prodotti ġodda u anke jagħlquh għal perjodu qasir jekk ikunu sejrin vaganza. Il-kummerċ kollu se jkun iffukat li jattira konsumaturi lejn okmalta.com u għalhekk jiżgura li l-ħwienet jiksbu s-sehem ġust ta’ viżitaturi ta’ kuljum. Ix-xerrejja jistgħu jirreġistraw b’mod normali jew permezz tal-login fuq il-midja soċjali. Sistema ta’ ħlas permezz ta’ karti ta’ kreditu ser tkun fis-seħħ sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tranżazzjonijiet b’mod sigur,” spjega s-Sur Bugeja.

Sport