Friday, January 17, 2025

Tnejn mixlija b’ħasil ta’ flus u traffikar uman

Aqra wkoll

Raġel u mara tressqu l-Qorti mixlija b’ħasil ta’ flus, traffikar uman u falsifikazzjoni ta’ dokumenti li allegatament jinvolvu identitajiet misruqa mill-aġenzija Identità.

L-eks impjegata ta’ Identità Maria Rita Spiteri ta’ 32 sena u Bernard Attard ta’ 33 sena tressqu separatamenti fil-Qorti mixlija b’diversi akkużi dwar reati li allegatament seħħew bejn il-21 ta’ Ottubru 2019 u t-22 ta’ Marzu 2023.

Il-Qorti semgħet lill-Prosekuzzjoni tispjega kif lejn l-aħħar tal-2023, il-pulizija bdiet tinvestiga ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kisbu dokumenti ta’ residenza b’mod frawdolenti u li eventwalment din l-investigazzjoni wasslet għall-arrest ta’ ħames individwi.

Il-persuni arrestati kienu allegaw li Attard u Spiteri kellhom rwol biex setgħu jiksbu dawn id-dokumenti foloz, b’Attard allegatament ikun responsabbli li jiġbor il-flus mingħandhom.

Iż-żewġ imputati kienu arrestati fit-18 ta’ Lulju 2024 iżda kienu ngħataw il-police bail. 

Huma tressqu lbieraħ quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom iżda baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tal-imputati. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andy Rotin, Keith Darmanin, Lara Butters, Christian Abela flimkien mal-Avukati Manuel Grech u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru għal Spiteri mentri l-Avukati Jose’ Herrera u Matthew Xuereb dehru għal Attard. 

L-aġenzija Identità tirreaġixxi..

Sadanittant, l-Aġenzija Identità fi stqarrija nnotat b’sodisfazzjon li evidenza preżentata fil-Qorti lbieraħ li qalet li tikkonferma b’mod definittiv kemm l-Aġenzija kellha raġun.

“Xhieda mogħtija fil-qorti tiċħad bl-aktar mod ċar allegazzjonijiet infondati u bla bażi li saru fil-konfront tal-Aġenzija Identità, immirati biss biex jagħmlu l-ħsara u jitfgħu dell ikrah fuq l-integrità tal-Aġenzija Identità, l-integrità tal-proċessi u l-impjegati tagħha,” intqal fl-istqarrija.

Identità laqgħet ukoll il-passi legali li ttieħdu fil-konfront ta’ żewġ persuni u dan wara investigazzjonijiet interni li nbdew mit-Taqsima tal-Compliance u t-Taqsima tal-Espatrijati, fi ħdan l-istess aġenzija, li kellhom il-bidu tagħhom f’Settembru tal-2022 dwar irregolaritajiet fil-proċessi ta’ permessi ta’ residenza lil ċittadini Eġizzjani għaddew għand il-pulizija.

Qalet li dan wassal biex żewġ persuni tressqu l-Qorti u jiffaċċjaw bosta akkużi fosthom ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u traffikar tal-bnedmin fuq ħames każijiet, u mhux l-eluf li kienu kwotati. B’kollox b’rabta ma’ dan il-każ tressqu żewġ Maltin u ħames persuni barranin.

F’Lulju tas-sena li għaddiet, hekk kif bdew isiru akkużi fil-konfront tal-Aġenzija, Identità ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u saħqet li kienet investigazzjoni u rapport tagħha li wasslu għall-arrest u sentenzi fil-Qrati Maltin. L-evidenza ppreżentata fil-Qorti tikkonferma l-pożizzjoni ċara li Identità dejjem ħadet u stqarret bl-aktar mod apert.

Identità tenniet li ma tittollera l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet li b’xi mod jew ieħor itappnu l-integrità tagħha u l-fiduċja tal-pubbliku fiha u tibqa’ kommessa li tinvestiga u tieħu kwalunkwe passi neċessarji fil-konfront ta’ kwalunkwe suspett li jinħoloq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport