Saturday, December 21, 2024

Tonqos il-lista ta’ nies jistennew akkomodazzjoni soċjali

Aqra wkoll

Il-lista ta’ nies li qed jistennew li jingħataw akkomodazzjoni soċjali mistennija tkompli tonqos permezz ta’ diversi proġetti li qed jiġu żviluppati u li jridu jitlestew sas-sena 2026. Dawn il-proġetti se jkomplu jikkumplimentaw it-tnaqqis li diġà sar, fejn l-applikazzjonijiet minn 3,000 naqsu għal 1,700. 

B’żieda ma’ dan il-Gvern introduċa pjan għal applikanti tal-akkomodazzjoni soċjali li għandhom bżonn l-għajnuna soċjali, fejn din is-sena diġà kien hemm 61 applikant li bbenefikaw minn din l-għajnuna. 

Id-dokument ta’ qabel il-Budget 2025 li jispjega dan kollu jsemmi wkoll l-introduzzjoni mill-Gvern ta’ skema “Nikru biex Nassistu”, fejn is-sidien tad-djar jistgħu jikru l-proprjeta’ tagħhom għal 10 snin lill-Awtorità tad-Djar għal skop t’akkomodazzjoni soċjali. Din il-miżura laħqet l-għan tagħha tant li s-sena li għaddiet, aktar minn 1,000 appartament kienu rreġistrati mal-Awtorità taħt din l-iskema. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm 864 appartament ieħor li ġew irreġistrati. 

Min-naħa l-oħra, inkwilini ta’ djar u appartamenti tal-Gvern ibbenefikaw minn sistema ta’ xiri tal-proprjetà li joqogħdu fiha permezz tal-iskema Sir Sid Darek, bi prezz issussidjat. Din l-iskema swiet lill-Awtorità tad-Djar aktar minn €11-il miljun f’dawn l-aħħar sentejn, li wasslet ukoll biex 300 inkwilin saru sidien ta’ darhom. 

B’hekk ir-rata ta’ familji li huma sidien ta’ darhom f’Malta hija 5.5 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Gvern xorta għadu jaffaċċja sfidi ta’ akkomodazzjoni affordabbli. F’dan il-kuntest, il-Gvern diġà kkommetta ruħu li jindirizza dawn l-isfidi permezz ta’ skemi oħra ta’ akkomodazzjoni affordabbli. 

Ekonomija

Sport