Ir-Renju Unit sofra minn temp estrem għal perjodu ta’ iktar minn sena, bil-konsegwneza li l-ħamrija fl-irziezet kienet mimlija ilma u b’uħud mill-irziezet spiċċaw mgħerrqa.
Minn studju li sar mid-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali fil-pajjiż wera li l-produzzjoni tal-ħxejjex naqsu b’4.9% għal 2.2m tunnellata fl-2023, filwaqt li l-volumi tal-produzzjoni tal-frott naqsu bi 12% għal 585,000 tunnellata.
Bosta bdiewa li esperjenzaw dan it-temp estrem, ma setgħux iħawwlu kollox. Huma enfasizzaw fuq il-fatt li l-Gvern li jmiss għandu bżonn pjan xieraq għas-sigurtà tal-ikel.
Il-gvern tar-Renju Unit reċentement ippubblika l-ewwel indiċi uffiċjali tas-sigurtà tal-ikel tiegħu, li ddeskriva s-sigurtà tal-ikel bħala stabbli u li qed jiffaċċja riskji fit-tul minħabba t-tibdil fil-klima.
Huwa mifhum li dan is-suġġett se jissemma fil-qosor fil-manifesti għall-elezzjoni ġenerali. Min-naħa tagħhom, il-konservattivi wiegħdu li s-sigurtà nazzjonali tal-fruntieri, tal-enerġija u tal-ikel se jkunu prijoritá u li se jintroduċu mira legali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel tar-Renju Unit.