Friday, October 11, 2024

Tqis il-leave bi ħlas għall-ħaddiema vittmi ta’ vjolenza domestika bħala dritt sagrosant

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tqum filgħodu b’ġismek imfarrak u timxi kif tista’ lejn il-kamra tal-banju. Hawn meta tipprova taħsel wiċċek tħoss uġigħ u kif tħares lejn il-mera tara tbenġil u nefħa li lanqas l-aqwa makeup ma jgħattih kollu u biżżejjed. Biżżejjed biex tmur għax-xogħol qisu xejn m’huwa xejn. Vittma ta’ vjolenza domestika, li minkejja t-turbolenzi li tkun għaddejja minnhom, hija jew huwa jridu xorta waħda jirrappurtaw għax-xogħol. Kif din il-vittma tista’ tiffaċċja kollegi u klijenti f’dak l-istat u fl-istess ħin, b’miraklu xorta waħda tkun produttiva fuq il-post tax-xogħol? L-avukata Rachel Tua saħqet li f’pajjiżna wasal iż-żmien li ħaddiema f’dawn iċ-ċirkostanzi iebsa, jingħataw id-dritt sangrosant ta’ leave bi ħlas. 

Il-vjolenza domestika hija realtà wkoll għal xi ħaddiema fostna. Xi kollega li minkejja narawha titbissem, fil-verità minn ġewwa u anke minn barra, hija mkissra. Dawn huma ħaddiema, kemm nisa u anke rġiel, li fil-ħajja privata tagħhom isofru minn vjolenza domestika. Sitwazzjoni xejn faċli doppja hekk kif dawn il-vittmi ta’ vjolenza domestika jridu jmorru għax-xogħol iżda fil-verità ma jistgħux minħabba kemm l-istat fiżiku tagħhom, kif ukoll dak emozzjonali u mentali huwa fi stat ħażin. Dan barra l-lat proċedurali li wieħed irid jieħu ħsieb bħal dak legali, rapporti għand il-pulizija, kif ukoll forsi allokazzjoni alternattiva ‘l bogħod mill-agressur. L-affarijiet jikkomplikaw ruħhom meta jkun hemm il-minuri. Din hija sitwazzjoni li teżisti u hija sitwazzjoni li b’leave bi ħlas għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, mhux tissolva imma almenu, tgħin ħafna.

Riċentement tali leave ġie introdott fl-Irlanda, huwa implimentat f’xi stati Amerikani u qiegħed ukoll jiġi diskuss f’għadd ta’ pajjiżi oħra. Fl-Irlanda, dan il-leave bi ħlas għall-persuni vittmi ta’ vjolenza domestika huwa ta’ ħamest ijiem u dwaru l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, kienet qalet lil dan il-ġurnal li f’pajjiżna wkoll għandna nibdew niddiskutu dan il-kunċett. Min-naħa tagħha, hija temmen li fir-rigward “hemm bżonn ta’ diskussjoni matura u infurmata”.

IT-TORĊA din id-darba tkellem mal-avukata Rachel Tua li min-naħa tagħha saħqet li, iva, f’pajjiżna wasal iż-żmien li persuna vittma ta vjolenza domestika tingħata d-dritt li tieħu leave jew sick leave mill-post tax-xogħol. 

Hemm liġijiet simili

“Hemm ċertu liġijiet bħalma huma “The Family and Medical Leave Act” (FMLA) li jippermettu għall-istess. Meta si stratta di Medical Leave, il-vjolenza domestika għandha taqa’ taħt l-istess Kap. Minn banda waħda hemm l-aspett ta’ grieħi fiżiċi, sewwa dawk gravi u sewwa dawk ħfief u mill-banda l-oħra hemm ukoll l-aspett ta’ ħsara psikoloġika, żewg fatturi li ma jikkontribwixxux għall-produzzjoni tax-xogħol. Wieħed ukoll ma jridx jeskludi l-fatt li l-vjolenza domestika tista’ wkoll tqajjem tixrid fil-post tax-xogħol meta persuna tiġi ffastidjata permezz ta’ minnaċċi telefoniċi u midja soċjali, abbuż sesswali, abbuż finanzjarju u mentali, li kollha jwasslu għal stress estrem,” spjegat Dott. Tua.

Hija qalet li hemm diversi pajjiżi li kellhom jgħaddu liġijiet domestiċi fejn jirrigwarda vittmi ta’ vjolenza domestika li jippromovu drittijijet għall-insemmija vittmi biex jieħdu leave, l-istess leave li jista’ jkun mħallas jew le. Dan jiddependi fuq il-liġijijet domestiċi tal-Istat inkwistjoni.

Sitwazzjonijiet li joħolqu impatt negatttiv fuq il-post tax-xogħol…

Din l-avukata qalet li f’Malta, pereżempju, diversi vittmi jridu jieħdu leave biex jattendu s-seduti tal-Qrati li xi kultant ikun hemm ħafna dewmien għar-raġunijijet frivoli bħalma hija dik ta’ notifika negattiva. “B’dan il-vittma ma tistax tgawdi minn ordni ta’ protezzjoni u għalhekk, sakemm tiġi appuntata seduta oħra, ikun hemm trapass ta’ żmien f’liema perjodu persuna tista’ tkun għaddejja minn stress estrem kif ukoll tgħix bil-biża’, fatturi li wkoll jistgħu joħolqu impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol,” insistiet Dott. Tua.

Iddiżappuntata b’dak li tara anke fil-professjoni tagħha hija qalet li, “il-vjolenza domestika f’pajjiżna ftit li xejn tidher li qiegħda tonqos li saħansitra, kif rajna dan l-aħħar qiegħda teskala wkoll f’każijiet ta’ femmiċidju. Għal din ir-raġuni biss, Malta għandha tapplika domestic violence leave; bħalma jsir f’diversi pajjiżi, inklużi fl-Ewropa bħal fil-każ tal-Irlanda u stati li jinkludu fost l-oħrajn dawk Amerikani ta’ Kalifornja, Florida, Illinois, Washington and d-Distrett tal-Colombia”.

Stati li ma jippermettux it-tkeċċija ta’ ħaddiema vittmi

Din l-avukata spjegat li ċerti stati jippermettu li l-impjegati jieħdu numru ta’ ġranet jew ġimgħat leave. Dawn jittieħdu dejjem f’ċirkostanzi raġjonevoli. Stati oħra ma jippermettux it-tkeċċija tan-nies li jieħdu l-leave stante problemi relatati ma’ vjolenza domestika. Hawn Dott. Tua żiedet li hemm ukoll stati li jippermettu avviż minn qabel għal dawn is-sitwazzjonijijet u oħrajn jippermettu leave meta jkun hemm emerġenza. Dan dejjem meta jkun hemm raġuni in sostenn tal-istess.

“Il-prattika biex ikun hemm ħlas ta’ sick leave fil-każijijet ta’ vjolenza domestika qiegħda tiżdied fuq livell globali fejn l-impjegati jistgħu wkoll japplikaw il-paid sick leave mhux biss biex jiġu trattati jew biex jieħdu ħsieb membru familjari li huwa marid, iżda wkoll biex jitħallsu spejjeż legali u affarijijet oħra prattiċi in relazzjoni ma’ vjolenza domestika. Għaldaqstant nemmen li tali miżuri, li jgħinu ħafna li dawk involuti, għandhom jiddaħħlu f’pajjiżna wkoll,” temmet b’parir l-avukata Rachel Tua.

Sport