Wednesday, April 24, 2024

TRASFORMAZZJONI SINIFIKANTI FL-ISPORT MALTI

Mark Cutajar
Mark Cutajar
Kap Eżekuttiv ta' SportMalta

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar seba’ snin l-isport Malti ra trasformazzjoni liema bħalha u l-isportivi Maltin u Għawdxin, grazzi għall-ħidma ta’ SportMalta, qed ikollhom it-taħrig tagħhom iktar faċli. 

Bla dubju ta’ xejn pilastru ewlieni fl-Istrateġija tal-Isport kien dak ta’ faċilitajiet speċjalizzati għall-istess sport.  Barra minn hekk l-istrateġija rat li hemm bżonn għal aktar spazji miftuħa, li l-faċilitajiet ikunu aktar sostenibbli u li jkun hemm iċ-ċans li l-faċilitajiet sportivi jiġu kummerċjalizzati b’tali mod li, għalkemm ikun hemm l-iskop sportiv jibqa’ ċentru ta’ kollox, ikun hemm proġetti kummerċjali li jsaħħu finanzjarjament lill-għaqdiet.

Mill-2014 sal-lum, il-Gvern permezz ta’ SportMalta għamel proġett wieħed wara l-ieħor biex dawn l-għanijiet jiġu kollha milħuqa.  Inqalleb ftit ir-ritratti li għandha SportMalta u tibda tara kullana ta’ proġetti li diġà tlestew għal oħrajn li bdew u oħrajn li għadhom se jibdew.

Il-futbol, li huwa l-ikbar sport li għandu dan il-pajjiż, bla dubju ta’ xejn kompla jgawdi mill-għajnuna u barra minn hekk ġew mibnija ukoll żewġ grawnds ġodda f’Bbuġia, Santa Venera  u Marsascala, titjieb fil-grawnd tal-Verdala u pjanijiet għal grawnd fl-Imsida. Komplew jinbidlu t-turf ta’ ħafna grawnds u riċentament ġie iffirmat MOU bejn l-MFA u l-gvern għal aktar finanzjament fl-infrastruttura.

Anke l-Isport akwatiku għamel u qed jagħmel qabża ta’ kwalità.  Barra upgrade wara ħafna żmien tal-pixxina nazzjonali, SportMalta għenet finanzjarjament lil Neptunes biex jospitaw aktar tfal u żgħażagħ fil-kumpless tagħhom. Inbniet il-pixxina ta’ Bbuġia fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Barra minn hekk issa anke l-pixxina ta’ Sirens bdiet tilqa’ l-atleti fiha. Se tkun pixxina għat-tramuntana ta’ Malta.  Il-gvern pero ma waqafx hawn u anke Għawdex u l-Kottonera x-xogħol fuq il-pixxina miexi sewwa u se jkun lesti lejn tmiem l-2022.  B’hekk fi ftit żmien Malta se jkollha seba’ pixxini, barra pixxini oħra li qed jiġu pjanati.

Il-basketball ukoll ra trasformazzjoni fil-faċilità u issa l-MBA, b’investiment kbir, għandha padiljun tal-ogħla livell.  Padiljun li issa jista’ jospita kompetizzjonijiet internazzjonali tal-ogħla livell. Kif jista’ tagħmel ukoll il-Malta Billiards and Snooker Association.  Kumpless ta’ livell internazzjonali mibni fiċ-ċentru ta’ Malta, il-Ħamrun, li fih diġà ġew ospitati kampjonati internazzjonali tal-ogħla livell.  Kif wara kollox tista’ tagħmel ukoll il-Malta Amateur Athletics Association li, wara li ġiet mibdula l-art tat-track, fil-ġimgħat li ġejjin se jkollha investiment fl-istands u anke fl-entratura tal-faċilitajiet.  

Dillettanti u professjonisti tal-motor sport mhux biss qed jaraw li t-trakka, li kienet ilha wegħda mis-snin 70 issa se ssir realtà, iżda anke gawdew minn xogħlijiet fi trakka tal-hill climb l-Imtaħleb u fil-faċilitajiet ta’ drag racing u karting f’Ta’ Qali.  Dan biex l-isport li tant ġab suċċess għal pajjiżna jkompli jikber u jkompli jġib professjonisti li jinjettaw flus fl-ekonomija Maltija.  Kif l-istess jistgħu jagħmlu id-dilettanti tal-isport ta’ żwiemel li se jkollhom upgrade tal-faċilità tagħhom għal waħda mill-aqwa.  Bħalma jagħmlu d-dilettanti tal-isparar b’range tal-ogħla livell f’Ta’ Kandja.

Proġetti oħra se jaraw l-espanzjoni ta’ faċilitajiet eżistenti. Fil-Kottonera, minbarra l-padiljun li sarlu wiċċ ġdid u l-pixxina indoor, se jkun hemm park ta’ avventura bejn il-pixxina u l-iskola tal-Verdala li se tagħti lill-Kottonera ġojjel sportiv.  Fil-Ħamrun, barra l-isnooker u l-grawnd tal-football, qed jiġi mibni padiljun tal-handball, u se jsir upgrade fi swali ancillary li jiġu użati mill-arti marzjali, żfin u table football. Fil-Marsa, barra l-upgrade fi track u trakka, il-ġimgħa li ġejja se jibda x-xogħol fuq l-faċilità tal-ginnastika u lejn l-aħħar tas-sena jibda x-xogħol fuq faċilità għall-isquash u l-ġinnastika.

Finanzjament liema bħalu. Tmien snin ta’ xogħol ma jieqaf qatt, mis-Segretarji Parlamentari, konsulenti varji, ħaddiema ta’ SportMalta, kelliema varji tal-Oppiżizzjoni għall-isport li jaraw il-bżonn li jkollna pajjiż iktar sportiv, pajjiż iktar attiv u pajjiż iktar inklussiv. 

Sport