Monday, May 20, 2024

Trump ordnat iħallas $83.3m f’kumpens lil E. Jean Carrol talli mmalafamaha fl-2019

Aqra wkoll

Ġurija fi New York ordnat lill-eks President Amerikan u kandidat għall-elezzjoni presidenzjali Donald Trump biex iħallas $83.3m f’kumpens lill-artikolista E. Jean Carrol talli mmalafamaha fl-2019.

Il-kumpens kien jinkludi $11-il miljun għal ħsara lir-reputazzjoni ta’ Carroll, $7.3 miljun għal ħsara emozzjonali u danni oħra u $65 miljun f’danni punittivi.

Il-ġurati ħarġu bil-verdett wara kważi tliet sigħat ta’ deliberazzjoni. Fi stqarrija, Trump sejjaħ dan il-verdett bħala wieħed redikolu u qal li se jkun qiegħed jappella minn din id-deċiżjoni.

Min-naħa tagħha, Carroll qalet li din kienet rebħa għal kull mara li kapaċi tqum fuq saqajha minkejja kollox u telfa kbira għal kull “bully” li jipprova jżomm mara ‘l isfel.

Trump kien diġà nżamm responsabbli li mmalafama lil Carroll waqt li kien President billi rredikola l-allegazzjoni tagħha li huwa kien abbużaha sesswalment. Għalhekk din il-ġurija kellha l-inkarigu li tiddeċiedi biss kemm hi għandha titħallas f’danni.

L-Avukata tal-mara Roberta Kaplan kienet talbet lill-ġurija għal mill-inqas $24 miljun f’kumpens għall-ħsara li ġarrbet Carroll u “ħafna u ħafna aktar flus” f’danni punittivi biex jitwaqqaf milli jkompli jimmalafamaha.​

Sport