Tuesday, April 23, 2024

TTD 2022 – Se jkun magħruf il-kwadru kollu tat-timijiet tal-Ewropa

Aqra wkoll

Mil-lum sa nhar it-Tlieta se jintlagħbu l-aħħar 50 logħba mill-kwalifiki għat-Tazza tad-Dinja 2022, u f’dawn is-sitt ijiem se nkunu nafu t-tmien timijiet l-oħra li se jingħaqdu mal-Belġju u l-Ġermanja li serrħu rashom ix-xahar li għadda.

Hawnhekk se nagħtu ħarsa fuq fuq min jistgħu jkunu t-timijiet li jikkwalifikaw waqt li l-10 li jispiċċaw fit-tieni post jgħaddu għall-play-offs.

GRUPP A – Meta l-leaders is-Serbja qed igawdu vantaġġ ta’ punt fuq il-Portugall u jonqoshom logħba biss, huma dawn tal-aħħar li għandhom l-aħjar ċansijiet meta l-ewwel imorru l-Irlanda u wara jilqgħu lis-Serbja fejn jekk jirbħu punt ikun biżżejjed għalihom fil-logħba ta’ bejniet­hom li se tintlagħab f’Lisbona.

GRUPP B – L-Isvezja qed igawdu żewġ punti vantaġġ fuq Spanja meta t-tnejn jonqoshom żewġ logħbiet. Qabel ma jiltaqgħu kontra xulxin f’Sevilla, huma jridu jilagħbu logħba oħra fejn l-Isvezja jmorru għand Georgia u Spanja għand il-Greċja.

Għaldaqstant jekk it-tnejn joħorġu rebbieħa draw ikun biżżejjed għall-Isvediżi biex jikkwalifikaw aw­to­matikament u jħallu liċ-champions tad-dinja tal-2010 ikollhom jikkuntentaw b’post fl-play-offs.

GRUPP C – Hawnhekk it-taqtiegħa hija waħda qalila meta l-Italja u l-Isvizzera jinsabu b’14-il punt kull wieħed bl-ewwel logħba tkun dik ta’ bejniethom fl-Olimpico ta’ Ruma, u wara ċ-champions tal-Ewropa jmorru għand l-Irlanda ta’ Fuq waqt li l-Isvizzera jagħlqu bil-logħba f’Lucerne kontra l-Bulgarija.

GRUPP D – Iċ-champions tad-dinja renjanti, Franza, jinsabu f’pożizzjoni tajba meta għandhom tliet punti iktar mill-Ukrajna li jonqos­hom logħba, iżda l-periklu jista’ jiġi mill-Finlandja għalkemm Les Bleus se jmorru Helsinki f’logħba kruċjali.

GRUPP E – Il-leaders il- Belġju qed igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq ir-Repubblika Ċeka u Wales fejn tal-ewwel m’għandhomx ċans jilħquhom u Wales iridu jirbħu ż-żewġ logħbiet tagħhom biex forsi jidħlu biċ-ċans għalkemm dan huwa remot għax draw f’Cardiff ikun biżżejjed għall-Belġjani.

GRUPP F – Id-Danimarka diġá qatgħu l-passaġġ għall-Qatar meta kisbu punti massimi minn tmien logħbiet. Għalhekk l-inte­ress hawnhekk huma min se jispiċċa fil-play-offs meta l-Iskozja qed igawdu erba’ punti vantaġġ fuq Iżrael.

Minkejja li l-Iskozja jridu jiltaqgħu mad-Daniżi, reb­ħa fl-ewwel logħba għand il-Moldova tkun biżżejjed biex jilħqu l-għan tagħhom.

GRUPP G – L-Olanda jin­sabu żewġ punti fuq n-Norveġja meta jridu jiltaqgħu magħhom fl-aħħar logħba f’Rotterdam. Iżda qabel l-Oranġjo jmorru għand Montenegro u wara n-Norveġja jkunu f’Os­lo biex jilq­għu lil Latvja.

GRUPP H – Dan il-grupp li jinkludi wkoll lil Malta, huwa taqtiegħa bejn ir-Russja u l-Kroazja meta t-tnejn għandhom 19-il punt kull wieħed. Illum l-Kroati jkunu f’Ta’ Qali għall-10 konfront kontra l-Maltin li kollha xaqilbu lejn l-avvarsarji tagħna ħlief darba meta ġejna draw 1-1 b’goal ta’ Stephen Wellman u wara l-partita l-partitarji tagħhom infexxew fi tfigħ ta’ siġġijiet u ġebel lejn il-pulizija u lejn il-partitarji Maltin.

Illum ukoll ir-Russja jkunu f’darhom kontra Ċipru qabel ma nhar il-Ħadd imorru Split fejn jista’ jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-grupp.

GRUPP I – Hawnhekk l-Ingilterra għandhom id- destin tagħhom f’idejhom meta jonqoshom kontra l-Albanija f’Wembley u wara kontra San Marino f’Serraville. Sitt punti jku­nu al­tru minn biżżejjed għalihom iżda anke erba’ punti huma l-inqas li jistgħu jieħdu biex jikkwalifikaw.

Min-naħa tal-Polonja hu­ma jmorru għand Andorra u wara jilqgħu lill-Ungerija f’Varsavja.

GRUPP J – Dan il-grupp huwa diġá mirbuħ mill-Ġermanja, iżda hemm taqtiegħa interessanti bejn ir-Rumanija, il-Maċedonja u l-Armenja min minnhom se jispiċċa fit-tieni post.

Ir-Rumeni jinsabu punt fuq it-tnejn l-oħra u meta jmisshom home kontra l-Islanda u away kontra Liechtenstein, id-destin tagħhom huwa f’idejhom ukoll.

Sport