Saturday, December 21, 2024

TURIJA TA’ SOLIDARJETÀ B’KISBA T’ESPERJENZA FUQ SPALLET IL-PUMPIERI MALTIN

Aqra wkoll

Il-poplu Malti kien, għadu u se jibqa’ jiddistingwi ruħu f’dawk li huma valuri pożittivi bħalma huma s-solidarjetà u l-ġenerożità. Minkejja ċ-ċokon tiegħu pajjiżna mhux l-ewwel darba li serva ta’ eżempju fejn jidħlu episodji u ġrajjiet fuq livell internazzjonali li kienu jeħtieġu azzjoni.

Nemmnu li fejn jidħlu dawn l-esperjenzi pajjiżna qiegħed jieħu deċiżjonijiet tajbin u ta’ kuxjenza fejn filwaqt li f’dak li jirrigwardja kunflitti internazzjonali, pajjiżna kien ċar kristall fejn tidħol in-newtralità, ma kienx kapaċi jagħlaq għajnejh quddiem is-sofferenzi u filwaqt li jikkundanna r-riperkussjonijiet ta’ dan il-ġlied fuq il-vittmi kollha, irrelevanti mil-liema fruntiera huma, offra l-għajnuna umanitarja tiegħu bil-limitazzjonijiet tagħna.

Fejn jidħlu diffikultajiet ambjentali, pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat bagħat żewġ gruppi ta’ pumpiera li assistew lill-Griegi li sfortunatament tilfu anke persuni f’nirien li ħakmu u qerdu diversi żoni fil-pajjiż.

Mhumiex deċiżjonijiet li jittieħdu kif ġieb u laħaq. Fl-aħħar xhur u snin, il-Prim Ministru Malti u kif ukoll il-Ministru Byron Camilleri ħabbru numru ta’ investimenti fil-korpi dixxiplinati fosthom b’tiġdid ta’ apparat ġdid u anke titjib fil-kundizzjonijiet u s-salarji tagħhom li servew ta’ imbuttatura biex dawn l-uffiċjali jkomplu javvanzaw fil-ħiliet tagħhom u s-servizz li jistgħu jagħtu.

Din l-aħħar waħda kienet ir-raba’ operazzjoni internazzjonali f’sentejn għal dan id-dipartiment – li f’dawn l-aħħar snin, ra tisħiħ sinifikanti, fejn fost l-oħrajn ġejna rikonoxxuti mill-poplu Tork meta numru ta’ persuni sfaw maqbudin f’bini mġarraf mit-terremoti u konna ta’ spalla wkoll għal-Libjani li sfaw maħsudin minn għargħar li wkoll ħalla diversi vittmi.

Bħalma kien ġara anke s-sena l-oħra, dawn il-pumpiera marru sabiex jgħinu pumpiera oħrajn fil-Greċja, waqt li l-pajjiż kien jinsab fi stat ta’ allarm, minħabba nirien perikolużi li jaħkmu l-boskijiet Griegi. Jakkumpanjaw lil dawn il-pumpiera, kien hemm żewġ voluntiera – mill-Emergency Fire and Rescue Unit, kif ukoll mis-St John Rescue Corps li tajjeb li nroddulhom ħajr għas-sapport u l-ħidma tagħhom.

Nemmnu li l-esperjenza ta’ dawn il-pumpiera barra minn xtutna mhijiex biss turija ta’ solidarjetà li tagħti ġieħ lill-pumpiera u lil pajjiżna, imma hija esperjenza li dawn l-uffiċjali involuti se jkunu qegħdin iġorru fuq spallithom għal kull sitwazzjoni li tista’ tiżviluppa minn żmien għal żmien anke f’pajjiżna forsi mingħajr previst. Din għalhekk isservihom ta’ esperjenza fejn jitgħallmu ħafna minnha.

Ovjament ma nistgħux ma nirrikonoxxux lill-qraba u lill-familjari ta’ dawn l-uffiċjali li x’aktarx b’qalbhom imtertqa jistennew minn ħin għall-ieħor li l-għeżież tagħhom jirritornaw lura minn dawn l-esperjenzi qawwijin u sħaħ. Esperjenzi li sa ftit tas-snin ilu, qabel sar l-investiment neċessarju konna mdorrijin biss naraw fuq l-aħbarijiet.

Inħarsu ’l quddiem li dawn l-uffiċjali jkomplu jingħataw aktar opportunitajiet bħal dawn sabiex ikunu mħejjija għal kwalunkwe eventwalità li tista’ tinqala’.
 

Ekonomija

Sport