Il-Ministru għall-Infrastruttura l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett, u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti ppresjedew fuq l-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) li jimmarka pass storiku għall-ħaddiema fis-settur tal-food couriers f’Malta u Għawdex.
Dan il-ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta’ drittijiet u obbligi li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li joffri aktar ċertezza u stabbiltà lill-operaturi tas-settur.
Il-Ministru Attard qal li, “Dan huwa żvilupp importanti ħafna għas-settur tal-food couriers fejn mhux biss qed nassiguraw li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha, iżda wieħed jittama wkoll li issa dan l-iżvilupp jinxtered fis-settur kollu biex nassiguraw li jkun hemm level playing field u ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn dawk li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jiġu żvantaġġati fis-settur.”
Il-ftehim isaħħaħ ukoll ir-rappreżentanza tal-ħaddiema permezz tat-trade union u jippromwovi djalogu soċjali kostruttiv bejn il-partijiet kollha involuti. Dan huwa pass importanti lejn aktar professjonalità, trasparenza u sostenibbiltà fis-settur, filwaqt li jassigura kundizzjonijiet tax-xogħol aktar ġusti u kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi.
Il-Ministru Azzopardi Tanti qal li “Dan il-ftehim huwa xhieda ta’ maturità kbira. Qed indaħħlu strutturi moderni ta’ governanza li jiggarantixxu trasparenza u fiduċja reċiproka. Din hija t-triq ‘il quddiem li jemmen fiha dan il-Gvern, ekonomija li tħares ‘il quddiem fejn biex nimxu bħala nazzjon, irridu nimxu flimkien.”
Fost il-miżuri ewlenin hemm l-introduzzjoni ta’ rata bażika ogħla mill-paga minima nazzjonali, kif ukoll dispożizzjonijiet relatati mas-sigħat tax-xogħol, il-ħlas tas-sahra, is-sick leave, il-vacation leave, il-bonuses statutorji u standards aktar b’saħħithom ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol.
Il-Ministru Bonett qal li, “Dan huwa ftehim fejn jirbaħ kulħadd. Jirbaħ il-ħaddiem, li jingħata kundizzjonijiet aħjar u aktar protezzjoni, u jirbaħ ukoll min iħaddem, li jagħmel investiment u jieħu riskju. Dan huwa ftehim importanti li se jiftaħ il-bieb għal aktar ftehimiet simili, filwaqt li joħloq aktar ċertezza u benefiċċji għall-ħaddiema, l-operaturi u l-konsumaturi.”
Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn komuni biex jitkomplew jitjiebu l-istandards tax-xogħol u biex is-settur tal-food delivery ikompli jikber fuq bażi sostenibbli, għall-benefiċċju tal-ħaddiema, tal-operaturi u tal-ekonomija Maltija.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) is-Sur Iousef Meli qal li dan il-ftehim ipoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru ta’ kollox.
“Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu naħdmu id f’id mal-unions, mal-Gvern u l-entitajiet li ser ikunu kkonċernati fis-settur tagħna”, żied jgħid is-Sur Meli.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Kevin Abela qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa pass importanti wara ħafna xhur ta’ negozjati u sfidi li kellhom jiġu affaċċjati.
“Dawn il-ħaddiema illi kienu dejjem fid-dell u qatt ma jitilgħu fil-wiċċ tal-tad-diskussjoni issa fl-aħħar ħa jieħdu dak li ħaqqhom,” temm jgħid is-Sur Abela.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Kevin Camilleri, Il-President tal-GWU s-Sur Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-GWU Brian Bonnici, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima s-Sur Johann Spiteri u l-Kordinatur tat-TCNs fi ħdan il-GWU is-Sur Manav Sanger.

