F’Ċipru, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-ftuħ ta’ Konferenza ta’ Livell Għoli dwar it-tisħiħ ta’ gżejjer u komunitajiet kostali tal-Unjoni Ewropea li ttellgħet mill-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma kif fl-Unjoni Ewropea hemm eluf ta’ gżejjer li huma d-dar ta’ miljuni ta’ Ewropej u għalkemm iċ-ċirkostanzi ta’ kull gżira huma diversi, l-isfidi li jiffaċċjaw huma simili, bħall-insularità, il-konnettività, spejjeż ogħla u espożizzjoni għal xokkijiet esterni, fost oħrajn.
Dr Abela sostna li għal Stati Membri żgħar, gżejjer u fil-periferija tal-kontinent Ewropew, bħalma hu pajjiżna, dawn il-pressjonijiet huma reali u jaffettwaw il-mod ta’ kif in-nies jivvjaġġaw, kif in-negozji jinnegozjaw u kif jiġu pprovduti s-servizzi. Kompla li madanakollu m’għandniex nitkellmu biss dwar il-gżejjer f’termini ta’ restrizzjonijiet, għaliex huma wkoll reżiljenti, innovattivi u għandhom valur strateġiku fejn spiss jiġu ttestjati approċċi u teknoloġiji ġodda f’setturi varji, fosthom fl-enerġija, fl-attività marittima, u fil-politika diġitali, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru saħaq li l-politika Ewropea għandha tkun imsejsa fuq ir-realtajiet tal-gżejjer u teħtieġ il-kontribut ta’ Stati gżejjer. Huwa rrimarka li t-Trattati jirrikonoxxu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-gżejjer, u li dawn ir-realtajiet jeħtieġ li jiġu riflessi b’mod aktar konsistenti fit-tfassil tal-politika Ewropea, u mhux jiġu kkoreġuti wara. Semma wkoll kif matul il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew huwa jinsisti li dawn ir-realtajiet ta’ Stati gżejjer ikunu riflessi fil-konklużjonijiet li joffru gwida politika għat-tfassil tal-aġenda tal-blokk.
Il-konferenza mmarkat ukoll l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni dan ix-xahar tal-ewwel strateġiji tal-Unjoni Ewropea għall-gżejjer u l-komunitajiet kostali. Il-Prim Ministru Abela laqa’ dawn l-istrateġiji u sostna li dawn għandhom iwasslu għal differenza fil-ħajja tan-nies li jgħixu fi gżejjer u mhux jservu biss bħala rikonoxximent tal-isfidi li jiffaċċjaw.
“Il-pożizzjoni ġeografika tibqa’ tiddetermina l-mod kif jgħixu ċ-ċittadini fil-gżejjer u fil-komunitajiet kostali. Madankollu, din m’għandha qatt isservi ta’ xkiel għall-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna kif ukoll għall-opportunitajiet ekonomiċi. Id-dmir tagħna huwa li nassiguraw li ċ-ċittadini jingħataw l-għodod kollha neċessarji biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

