L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku (ASA), b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta (BOV), nediet uffiċjalment il-BOV Summer League 2026 waqt konferenza tal-aħbarijiet, filwaqt li spjegat ukoll żviluppi ewlenin fil-water polo, l-għawm, il-governanza, żviluppi fil-grassroots u parteċipazzjoni internazzjonali.
L-avveniment immarka wkoll it-tiġdid tas-sħubija fit-tul bejn l-ASA u l-BOV għal tliet snin oħra. Permezz tat-tisħiħ f’dan il-ftehim, il-BOV se jestendi l-appoġġ tiegħu lil hinn mill-kompetizzjonijiet tas-seniors biex jinkludi wkoll il-kampjonati kollha tal-juniors, jiġifieri l-kompetizzjonijiet ta’ taħt l-14, is-16, it-18 u l-20 sena.
Meta kien qed jindirizza lill-midja, il-President tal-ASA, Karl Izzo enfasizza t-tkabbir kontinwu tal-Assoċjazzjoni u r-rikonoxximent internazzjonali miksub permezz tas-suċċess ta’ Malta fl-ospitar tat-Tazzi tad-Dinja tal-Irġiel u tan-Nisa, kif ukoll il-European Aquatics Champions League Final Four. Dawn l-avvenimenti esponew il-water polo Malti bħal qatt qabel, bil-Final Four waħdu jilħaq aktar minn 22.5 miljun view fuq il-midja soċjali u udjenza globali stmata li tilħaq il-15.5 miljun persuna.
L-ASA ħabbret ukoll programm b’saħħtu ta’ parteċipazzjoni internazzjonali għat-timijiet nazzjonali Maltin. Fix-xhur li ġejjin, atleti Maltin se jikkompetu fil-Kampjonati Dinjija tal-Irġiel ta’ Taħt is-16-il sena f’Żagreb, fil-Kampjonati Ewropej tal-Irġiel ta’ Taħt l-20 sena f’Varna, fil-Kampjonati Dinjija tan-Nisa ta’ Taħt it-18-il sena f’Tenerife, u fil-Kampjonati Ewropej tan-Nisa ta’ Taħt l-20 sena f’Oeiras, il-Portugall. Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għal kalendarju impenjattiv fl-2027, li jinkludi l-World Cup Division B, ir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2028, il-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa f’Monaco, il-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ fil-livelli ta’ taħt is-16 u t-18-il sena, u l-Commonwealth Youth Games, li se jiġu ospitati f’Malta.
Wieħed mill-aħbarijiet ewlenija kienet l-introduzzjoni tal-European Aquatics VAR (Video Assistant Referee) Protocol fil-BOV Summer League, pass importanti fil-modernizzazzjoni tal-mod kif jitmexxew il-logħob tal-water polo lokali. Din is-sistema, li diġà tintuża fil-kompetizzjonijiet tal-European Aquatics, għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġustizzja, il-preċiżjoni u t-trasparenza f’deċiżjonijiet kruċjali waqt il-logħob. Żviluppi oħra jinkludu t-tkabbir kontinwu tal-Girls’ Water Polo Academy u tal-programm Splash Ball fil-livell tal-grassroots, l-ospitar ta’ Oceanman Malta u l-COMEN Open Water Swimming Cup, il-proċess internazzjonali ta’ reklutaġġ għal Kowċ Ewlieni tat-Tim Nazzjonali u Direttur Tekniku, kif ukoll programm ta’ riforma fil-governanza permezz tal-Bord il-ġdid tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ASA.
L-ASA kkonfermat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-ewwel edizzjoni tal-avveniment internazzjonali Water Polo 4×4 f’Dubrovnik, il-Kroazja. Din id-dixxiplina ġdida, introdotta minn World Aquatics, mistenni jkollha rwol importanti fl-iżvilupp futur tal-isport u toffri opportunità internazzjonali oħra għall-atleti Maltin.
L-Impenn Kontinwu tal-BOV lejn l-Isport
Waqt li tkellem fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Chief Operations Officer tal-BOV u Deputy Chair tal-BOV Foundation, Ernest Agius, tenna l-appoġġ fit-tul tal-Bank lejn il-water polo f’Malta: “Fil-BOV, aħna kburin li ilna għal ħafna snin nappoġġjaw lil din l-Assoċjazzjoni. Din is-sħubija tirrifletti l-impenn tagħna lejn l-isport, stil ta’ ħajja b’saħħtu, il-benesseri u inizjattivi li jressqu l-komunitajiet aktar lejn xulxin. Minn din is-sena, qed nagħtu wkoll aktar importanza lill-iżvilupp fil-livell tal-grassroots, biex ngħinu niżguraw li dan l-isport ikompli jkollu futur b’saħħtu u sostenibbli.”
Is-Sur Agius innota li l-appoġġ tal-Bank jifforma parti mill-Programm Komunitarju usa’ tiegħu, li jippromwovi l-benesseri fiżiku u mentali, filwaqt li jappoġġja l-eċċellenza sportiva nazzjonali.
Sħubija li Tmur Lura Snin Twal
Il-BOV ilu jappoġġja lill-ASA u l-kompetizzjonijiet lokali tal-water polo għal aktar minn għaxar snin, u b’hekk ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-klabbs, l-atleti, l-uffiċjali u t-timijiet nazzjonali ta’ Malta.
It-tnedija tal-BOV Summer League 2026 timmarka tappa oħra important fil-kollaborazzjoni bejn il-BOV u l-ASA, bil-għan li jiġi sostnut it-tkabbir, is-sostenibilità, u s-suċċess ta’ waħda mill-aktar dixxiplini sportivi segwita f’Malta.

