Kien għall-ħabta tal-5.00pm meta l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ġew informati li fi Triq ir-Rabat – magħrufa aħjar bħala “tax-Xħajma” kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku u kien hemm bżonn l-assistenza.
Mill-ewwel stħarriġ li sar jidher li kienet seħħet ħabta ‘head-on’ u kien hemm persuna li kellha bżonn l-assistenza medika. Kien għalhekk li fuq il-post mar tim mediku b’ambulanza li ħadu lill-persuna l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-pulizija jinsabu fuq il-post filwaqt li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom qegħdin ukoll jikkontrollaw it-traffiku hekk kif it-triq hija li tagħti għan-Nadur u ħafna jgħaddu minnha biex imorru r-Ramla l-Ħamra.
Il-kundizzjoni tal-persuna li ddaħlet l-isptar s’issa għadha mhix magħrufa.

