Saturday, December 21, 2024

Twettqu 84% tal-wegħdiet fil-Manfest Elettorali dwar l-inklużjoni u l-volontarjat

Aqra wkoll

“Fl-inklużjoni u l-volontarjat, diġà wettaqna 84% tal-manifest elettorali.” Iddikjarat dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-Parlament meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2025 li jaqgħu taħt dan id-dekasteru.

Il-Ministru Farrugia bdiet billi qalet li l-Gvern se jinvesti €1.3 miljun biex Richmond Foundation tmexxi programm speċjalizzat għal persuni b’diżabilità intellettwali u li għaddejjin minn din l-isfida f’ħajjithom. L-Aġenzija Sapport se tkun qiegħda tidħol fi ftehim ma’ Richmond Foundation biex bl-expertise tagħhom jidħlu għal dan il-proġett tant meħtieġ. 

Il-Ministru Farrugia ħabbret ukoll li mis-sena d-dieħla f’Ħal Kirkop se jinfetaħ respite ġdid għall-persuni b’diżabilità. Mis-sena d-dieħla wkoll se jinfetaħ respite ġdid f’Ħad-Dingli. Ix-xogħol fuq dawn iż-żewġ proġetti miexi b’ritmu tajjeb .

Proġett ieħor li tkellmet dwaru l-Ministru Farrugia huwa ċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ, li se jkun qiegħed jinfetaħ ma’ NGO. “Hemm għatx għal dan is-servizz u ninsabu fi stadju avvanzat ta’ dawn it-taħditiet.”

Ma’ dawn il-proġetti se jkun hemm ukoll iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum speċjalizzat għal anzjani b’diżabilità. “Dawn kollha se naħdmuhom ma’ NGOs fis-settur, għaliex nemmnu li kapaċi naħdmu flimkien f’sinerġija assoluta,” tenniet il-Ministru Farrugia. 

Aktar tard din il-ġimgħa se jkun hemm ukoll it-tħabbira ta’ investiment ta’ €5 miljun ma’ NGO oħra favur it-tfal u żgħażagħ b’diżabilità. “Dan hu dak li nemmnu fih. Budget li verament jinvesti fis-soċjali,” hija żiedet tgħid. 

Il-Ministru Farrugia spjegat kif dan il-budget ikompli jibni fuq dak ta’ qablu. “L-ogħla żieda li qatt ingħatat lill-persuni b’diżabilità. L-ogħla żieda għall-carers ta’ persuni b’diżabilità. Żidna l-caarer’s grant għal €5,1900 fis-sena u dan il-benefiċċju se jitwessa’ għal dawk il-ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena b’kundizzjoni severa wkoll.”

Ekonomija

Sport