Wara dak kollu li nqala’ l-ġimgħa li għaddiet fis-Centenary Stadium, fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, meta l-partitarji ta’ Maccabi xeħtu flares lejn il-pitch kif ukoll lejn il-partitarji Ħamruniżi fejn il-partita kellha tiġi sospiża għal ftit minuti, l-Ispartans talbu lill-UEFA biex it-tieni leg jintlagħab f’pajjiż newtrali.
Iżda l-Federazzjoni Ewropea ma laqgħetx din it-talba. Barra minn hekk l-club Iżraelit inħarġulu erba’ akkużi filwaqt lil dak Malti nħarġulu tnejn.
Intant, il-coach ta’ Hamrun, Luciano Zauri, stqarr li din kienet partita assurda meta wieħed iqis li kien hemm mumenti fejn it-team tiegħu rreaġixxa iżda bejn l-iżvintura li laqtu żewġ lasti u bejn il-waqfa ta’ nofs siegħa dan kollu ma għenx.
L-Ispartans qed jistennew atmosfera ostili kif jafu jagħmlu l-partitarji ta’ Maccabi. Il-coach, Messey Dego, m’għandux problemi ta’ players neqsin u jista’ jagħmel xi rotazzjoni ta’ players, grazzi għall-vantaġġ kbir li qed igawdu, minħabba li wara din il-logħba l-attenzjoni ddur fuq il-finali tas-Super Cup domestika kontra Beitar Jerusalem.
Jidher li l-Ħamruniżi se jilagħbu fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League kontra t-tellief bejn Astana (Kazakhstan) u Dinamo Tbilisi (Georgia).