Meta beda jintlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, fiż-żewġ logħbiet tat-Tlieta, Inter għelbu lil Atletico Madrid filwaqt li PSV u Borussia Dortmund spiċċaw fi draw.
Inter………………………… 1
Atletico Madrid…………… 0
Inter għandhom vantaġġ minimu fuq Atletico Madrid meta għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0.
Atletico niżlu bi pjan difensiv fejn “xejnu” għal kollox il-fluwiditá ta’ Inter fejn l-attakkant, Lautaro Martinez, kien miżmum f’morsa u għaldaqstant it- Taljani ma setgħux isibu l-ispazji neċessarji biex joħolqu l-periklu.
U aktar ma beda jgħaddi l-ħin Inter bdew jidhru aktar frustrati kontra team li kien verament organizzat fid-difiża.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, fl-uniku attakk denju, Martinez kellu jagħmel aħjar meta minn taħt il-lasti falla l-mira.
Wara l-mistrieħ, in-Nerazzurri żiedu l-pressjoni u resqu viċin minn Martinez u Marko Arnautovic b’dan tal-aħħar, fil-65 minuta, għamel l-impossibbli meta minn taħt il-lasti xeħet barra.
Iżda, fid-79 minuta, huwa patta għal dawn in-nuqqasijiet hekk kif skorja l-uniku goal tal-logħba.
PSV Eindhoven………… 1
Borussia Dortmund….. 1
Il-konfront bejn PSV u Borussia Dortmund għadu inċert hekk kif temmew fi draw ta’ 1-1.
Borussia Dortmund ħarġu tajjeb u bdew saħansitra jiddettaw il-logħob bl-avversarji jirtiraw lura biex jassorbu l-pressjoni.
Iżda l-aħjar ċans wasal għand l-Olandiżi meta Malik Tillman sab ruħu żmarkat fil-kaxxa iżda tawwal xi ftit il-ballun biex waħdu quddiem il-goalkeeper avversarju, Alexander Meyer, falla l-mira.
Goal fallut huwa goal maqlugħ minħabba li seba’ minuti wara, kienu Borussia li fetħu l-iskor meta Donyell Malen ġibed il-ballun minn tliet difensuri ta’ PSV u minn pożizzjoni angolata fajjar xutt biex għeleb lill-goalkeeper, Walter Benitez, bl-ballun jaħbat mal-mimduda qabel spiċċa fix-xibka.
Fit-38 minuta, Johan Bakayoko falla ċans tad-deheb li jikseb id-draw meta wasal tard fuq il-ballun biex seta’ jikkonkludi.
Peró, fis-56 minuta, PSV kisbu d-draw minn penalty ta’ Luuk de Jong.