Monday, May 13, 2024

UCL: Partiti delikati għal Bayern M. u Paris SG

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tlieta beda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, fejn Manchester City u Real Madrid rebħu barra minn darhom meta għelbu lil FC Copenhagen (3-1) u lil RB Leipzig (1-0) rispettivament, illum l-Erbgħa, jidħu fix-xena erba’ timijiet oħra hekk kif Bayern Munich u Paris St-Germain għandhom partiti delikati kontra Lazio u Real Sociedad

LAZIO v bayern munich (9.00 pm)

Lazio waslu sal-fażi eliminatorja taċ-Champions League għat-tielet darba biss, wara li spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp E, mirbuħ minn Atletico Madrid.

Minkejja li fl-istaġun li għadda t-team immexxi mill-coach, Maurizio Sarri, spiċċa fit-tieni post tas-Serie A, bħalissa jinsab barra mill-aqwa ħamsa tal-kampjonat.

Madankollu, ir-rebħa ta’ 3-1 fuq Cagliari fi tmiem il-ġimgħa, għolliet il-moral għal dan il-konfront diffiċli kontra Bayern Munich.

Minkejja t-telfa ferm diżappuntanti, tas-Sibt li għadda, bl-iskor ta’ 3-0 kontra Bayer Leverku­sen, il-Bavarjani  għandhom l-opportunità li jirritornaw għar-rebħ meta jilagħbu fl-Olimpico.

Fil-fażi tal-gruppi, Bayern iddominaw Grupp A, b’ħames rebħiet u draw u għaldaqstant taw twissija li huma se jkunu minn fost dawk it-ti­mijiet li jisfidaw għar-rebħ ta’ dan l-unur tant prestiġjuż.

Madankollu huma għandhom lista ta’ players imweġġgħin li jinkludu lil Bryan Zaragoza, Alphonso Davies, Kingsley Coman, Serge Gnabry, Gabriel Marusic u Daniel Peretz.

B’kuntrast, Lazio għandhom nieqes biss lill- Ispanjol, Patric.

 PARIS SG v REAL SOCIEDAD (9.00 pm)

Il-Franċiżi ta’ Paris St Germain jilqgħu lill-Ispanjoli ta’ Real Sociedad u xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. Il-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li huma favoriti netti li jissuperaw dan ir-round.

Iżda l-football huwa mprevidibbli u għal­daqstant, Real Sociedad jimmiraw li joħolqu s-sorpriża ta’ dan ir-round.

Immexxija mill-coach, Luis Enrique, il-Pariġini ftit li xejn impressjonaw fi Grupp F li kien jinkludi lil Borussia Dortmund, AC Milan u Newcastle United. Fil-fatt huma kisbu tmien punti minn sitt logħbiet u temmew b’punti ndaqs Milan iżda kkwalifikaw minħabba l-konfronti diretti.

Min-naħa ta’ Sociedad, dawn spiċċaw fl-ew­wel post flimkien ma’ Inter bi 12-il punt fi Grupp D. Iż-żewġ konfronti diretti intemmu fi draws ta’ 0-0 u 1-1 … biex Inter “rebħu” l-grupp minħabba li fid-draw ta’ 1-1, huma skorjaw barra minn darhom.

Paris St Germain ma jistgħux jagħmlu użu minn  Layvin Kurzawa, Milan Skriniar, Sergio Ric­o, Nuno Mendes u Presnel Kimpembe filwaqt li Real Sociedad ma jistgħux jinkludu lil Mikel Oyarzabal, Sheraldo Becker, Alvaro Odrionzola, Kieran Tierney u Carlos Fernandez … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Sport