Freddy Champan, tifel ta’ tliet snin mir-Renju Unit, ingħata l-aħbar kerha li l-kawża tal-uġigħ ta’ żaqq li kien qiegħed isofri, kien proprju sintomu ta’ kanċer fi stadju avvanzat.
Demi Chapman, omm Freddy ħadet lil binha l-emerġenza wara li kien ilu jsofri ugigħ fl-istonku għal ġimgħa. Minn ultrasound, indunaw li ċ-ċkejken għandu tumur bejn il-fwied u l-kliewi u wara aktar ittestjar irriżulta li dan il-kanċer kien saħansitra infirex f’sidru.
“Qatt ma bsart li seta’ kien kanċer. Qabel ma ħadnih l-isptar, kien qiegħed jiġri u jilgħab allavorja kien ma jiflaħx. L-ewwel ħsieb tiegħi kien li ma setgħax imexxi l-ikel għax beda jgħidli li kien muġugħ. Infatti, it-tabib irrakomanda l-lassativi u kollox mar lura għan-normal,” tgħid l-omm b’dieqa.
Madankollu, l-omm tirrakkonta kif Freddy kompla jiggrava tant li ma riedx iqum minn fuq is-sufan. Huwa ġie iddijanjostikat b’newroblastoma u qiegħed fir-raba stadju. Bħalissa qiegħed jingħata l-kimoterapija u t-tobba infurmawhom li hu mistenni li jqatta diversi ġranet fl-isptar tat-tfal f’Birmingham.
Il-professjonisti qiegħdin jittamaw li fi żmien tliet xhur, permezz ta’ dan it-trattament, it-tumur jiċkien u għaldaqstant ikunu jistgħu joperawh. Bħalissa, il-familja qiegħda tistenna wkoll il-konferma jekk il-kanċer infirex fil-mudullun.
Diversi nies emozzjonaw ruħhom bil-ġrajja tal-familja Chapman u għalhekk ddeċidew li jkunu ta’ sapport u jgħinu bl-aħjar mod li jistgħu, billi jiġbru xi donazzjonijiet. Jenny Haris, maniġer fiċ-ċentru tal-kura tat-tfal li kien jattendi fih Freddy tgħid, “il-mira tagħna kienet li niġbru madwar £500 (madwar €600) biex nixtrulu xi ġugarelli u ħwejjeġ tal-irqad eċċ u filwaqt li ngħinu wkoll lill-omm fil-vjaġġ lejn u mill-isptar. Ma Konniex qed nistennew ir-rispons qawwi li kellna. Il-paġna laħqet diversi nies.” S’issa jidher li dik il-mira ntlaħqet u qabżu aktar minn €3,500 (£3,000).