Sunday, December 22, 2024

Uħud mill-passiġġieri jaqblu li jtiru lejn Ruma u min hemm għal Malta … oħrajn jirrifjutaw

Maltin maqbudin Ġinevra wara li l-ajruplan kellu jirritorna darbtejn minħabba ħsarat tekniċi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Skont l-aħħar informazzjoni li waslet lil dan is-sit rigward it-titjira li aktar kmieni kellha tiġi posposta sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji jidher li kien hemm qbil bejn il-linja tal-ajru u numru ta’ passiġġieri li aċċettaw li jaqbdu titjira oħra minn Ġinevra lejn Ruma u oħra lejn Malta biex jaslu għada għall-ħabta tan-00:30 a.m.

Minkejja dan ninsabu infurmati wkoll li xi passiġġieri ma aċċettawx din l-għażla u dawn se jkunu qegħdin jistennew sakemm it-titjira tkun tista’ ssir bl-istess ajruplan skont kif maħsub sa mill-bidu.

12:00 p.m: “Iridu jsewwu l-istess ajruplan u aħna qed nibżgħu nirkbu fih wara dak li ġara”

“Ilna issa aktar minn 12-il siegħa u għadna fl-għama. Għadkom ma tistgħux timmaġinaw qalbna kif waqfet meta qalulna li għat-tieni darba kien se jkollna nirritornaw lura minħabba ħsara teknika”. Iddikjarat dan Maltija li kienet abbord l-ajruplan li kellu jirritorna minn Ġinevra l-Iżvizzera lejn Malta l-lejl li għadda.

Hija kompliet biex tgħidilna li l-uniku informazzjoni li ngħataw huwa li għaddej xogħol biex jissewwew il-ħsarat li żviluppaw filwaqt li ħafna qegħdin jistaqsu jekk hux possibbli li l-passiġġieri jingħataw titjira oħra ma’ linja tal-ajru oħra.

“Għejejna nċemplu u qalulna biss li jridu jsewwu l-istess ajruplan u aħna ma tagħtiniex tort issa kollha qegħdin nibżgħu nirkbu fih wara dak li ġara”, tenniet tgħid magħna din il-persuna.

X’kien il-każ?

Ajruplan tal-Air Malta kellu jirritorna darbtejn fl-ajruport ta’ Ġinevra kawża ta’ ħsarat. 

Fi stqarrija maħruġa mil-linja nazzjonali tal-ajru ntqal li s-Sibt 2 ta’ Settembru l-ajruplan telaq minn Ġinevra fl-Iżvizzera u rritorna minħabba problemi tekniċi. Ġara iżda li dan reġa’ telaq imma kellu jirritorna għat-tieni darba. L-Air Malta qalet li tim ta’ inġiniera qed jaħdmu biex isewwu l-ħsara.

Il-passiġġieri ngħataw akkomodazzjoni fejn qattgħu l-lejl.

Ekonomija

Sport