Sunday, December 22, 2024

Valletta jitilgħu fit-tieni post

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Valletta ……….3

Mosta ………….1

Friski mir-rebħ tal-punti fuq il-mejda grazzi għal protest kontra Sliema Wanderers, Valletta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1 biex telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika.

Min-naħa ta’ Mosta, dawn baqgħu fin-naħa t’isfel tal- klassifika.

Huma kellhom lil Rodriguez Ekani u Tyrone Farrugia sospiżi b’dan tal-aħħar ikun qed jiskonta t-tieni waħda minn tlieta.

Fit-18-il minuta Valletta fetħu l-iskor, proprju fl-ewwel periklu, meta Mario Fon­tanella xeħet cross b’KEVIN TULIMIERI jagħmel semi-rovexxjata mill-isbaħ u tefa’ fir-rokna tax-xibka.

Iżda bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li minuta biss wara, mill-az­zjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, il-Beltin għal ftit ma kinux se jpattu qares għal żball difensiv ta’ Triston Caruana li għadda lura bir-ras, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel ma l-goalkeeper, Alessandro Guarnone, salva minn kull periklu, biex evita goal ċert.

Fis-27 minuta, Valletta tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw meta Eslit Sala indirizza cross b’Haris Dilaver ikollu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.

Iżda eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin skorjaw it-tieni goal meta l-ewwel Haris Dilaver kellu xutt mid-distanza li stampa ma’ sieq il-wieqfa u mir-rebound JAMES ARTHUR venven xutt b’saħħtu li ma ħafirx minn barra l-kaxxa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta komplew bl-istess ritmu u fl-54 minuta skorjaw it-tielet goal permezz ta’ KEVIN TULIMIERI li wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper  Marko Jovicic, l-ewwel laqat il-lasta u mir-rebound tefa’ ġewwa.

Bil-logħba mirbuħa u mit­lufa, ir-ritmu naqas b’ħafna logħob f’nofs il-ground. Iżda fl-84 minuta Mosta skorjaw il-goal tal-bandiera minn SUNDAY AKINBULE li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.

VALLETTA: 26-Alessandro Guarnone (1-Yenz Cini 80), 4-Jean Borg, 5-Ryan Camilleri (Joseph Zerafa, 6-Triston Caruana (97-Lucas Campos 80), 8-James Arthur, 9-Haris Dilaver, 20-Ivan Curjucic (Shaun Dimech, 24-Rowen Muscat, 66-Eslit Sala, 89-Mario Fontanella, 92-Kevin Tulimieri (18-Enmy Manuel Pena Beltre 71)  – Coach: Jose Antonio Cardoso Mendes

MOSTA: 61-Marko Jovicic, 6-Roderick Briffa, 7-William Donkin (9-Michael Mifsud 66), 11-Duane Bonnici (14-Johnson Nsumoh 46), 13-Clayton Failla, 19-Johann Bezzina (2-Nathan Agius 46), 24-Ivan Doric (16- Gian­luca Sciberras 46), 27-Meh­ti Hetemaj (15-Jake Vassallo 46), 34-Rafael Morisco, 77-Zachary Brincat, 88-Sunday Akinbule  – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Emanuel Grech

ASS. REFEREES: Roberto Vella, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Darryl Agius

SKORERS: K. Tulimieri 18, 54, J. Arthur 45 (V), S. Akinbule 84 (M)

AMMONITI: J. Borg (V), S. Akinbule (M)

Ekonomija

Sport