Wednesday, July 24, 2024

Varat tagħmir speċjalizzat għat-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar permezz ta’ fondi għall-għaqdiet volontarji

Aqra wkoll

Ġie varat tagħmir speċjalizzat mill-għaqda volontarja St John Ambulance & Rescue, li bih ser ikun jista’ jsir tiftix u salvataġġ fil-baħar, b’aktar ħeffa u effiċjenza. Dan permezz ta’ fondi allokati mill-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

Dan it-tagħmir speċjalizzat jikkonsisti f’vettura msejħa ROV (Remotely Operated Vehicle), drone multifunzjonali u anki scooters apposta li jintużaw taħt l-ilma. Dawn ser ikunu qed jikkumplimentaw vetturi oħra tas-St John Ambulance & Rescue li wħud minnhom kienu wkoll parti minn proġetti ffinanzjati minn skemi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat matul is-snin li għaddew.

Waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, fejn kienet akkumpanjata mill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Clinton J. O’Neill u d-Deputat Kummissarju tas-St. John Rescue Corps Christopher Borg Cardona, ġie spjegat li bħala parti mill-operat tagħhom l-għaqda tipprovdi servizzi ta’ salvataġġ lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn għandhom vetturi, dgħajjes u tagħmir ieħor li bih il-voluntiera mħarrġa jassistu f’emerġenzi u fiż-żamma tas-sigurtà pubblika waqt avvenimenti nazzjonali kemm fuq l-art u anki l-baħar. Għaldaqstant dan it-tagħmir huwa ta’ importanza kbira waqt il-qadi ta’ dawn id-dmirijiet fix-xogħol indispensabbli li jagħmlu fis-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li matul din is-sena, il-ħidma tal-Gvern se tibqa’ tpoġġi l-volontarjat fuq quddiem nett tal-aġenda. Tenniet li skemi bħal dawn qed iħallu ġid tanġibbli fil- komunità u kommessi li jkomplu jsaħħuhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo qal li f’dan il-każ, permezz tal-iskema VOPS qed ikomplu jtejbu s-servizzi li joffru għaqdiet bħas-St. John Rescue Corps. F’isem il-Kunsill huwa rringrazzja lill-għaqda għax-xogħol kollu li jagħmlu, inkluż f’emerġenzi u salvataġġ fejn bil-ħidma tagħhom jiġu evitati inċidenti jew saħansitra traġedji.

Ekonomija

Sport