Wednesday, March 27, 2024

Varata l-Istrateġija Nazzjonali għall-Politika dwar l-Anzjanità Attiva 2023-2030

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela nieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Politika dwar l-Anzjanità Attiva għas-seba’ snin li ġejjin.

It-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-ministru spjega l-importanza ta’ din l-istrateġija anke fid-dawl tal-fatt li fit-tletin sena li jmiss huwa mistenni li f’pajjiżna, il-popolazzjoni ta’ persuni li għandhom 80 sena jew aktar mistennija titrippla.

Il-Ministru Abela rrimarka kif l-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija hija li tipproteġi d-drittijiet ta’ persuni akbar fl-età fis-soċjetà filwaqt li timmitiga kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-età, l-abbuż, l-esklużjoni soċjali u s-solitudni. Dan fl-istess waqt li tkun katalista għall-proċessi ta’ kura tal-aqwa livell fis-soċjetà, kemm jekk din il-kura tkun waħda akuta, fil-komunità jew inkella li tieħu aktar fit-tul.

Huwa spjega wkoll kif ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-istrateġija huma msejsa fuq tliet għanijiet prinċipali, b’kull għan jinkludi fi ħdanu temi differenti li jindirizzaw il-politika dwar l-anzjanità attiva, b’rabta ma’ dak l-istess għan.

Dawn l-għanijiet jindirizzaw prinċiparjament l-inklużjoni soċjali, l-għixien san u b’saħħtu ta’ persuni kbar fl-età u kif ukoll id-diversità u l-inugwaljanza fost din il-faxxa ta’ età. Fost it-temi ewlenin taħt it-tlett għanijiet msemmija hemm dawk li jindirizzaw is-sigurtà finanzjarja, l-għejxien indipendenti, it-transizzjoni għall-perjodu tal-irtirar, in-nutrizzjoni għall-persuni kbar fl-età, l-ixjuħija fil-faċilitajiet korrettivi u l-aċċess għall-ġustizzja, fost ħafna oħrajn.

Din l-istrateġija tindika b’mod ċar il-miżuri li għandhom jittieħdu għal kull tema msemmija flimkien mal-inizjattivi li hemm bżonn biex dawn il-miżuri jiġu attwati fis-seba’ snin li ġejjin.

“Ħarisna lejn dan is-suġġett b’mod ħolistiku biex hekk għandna pjan ta’ fejn irridu naslu. Fis-snin li ġejjin, jiġifieri sal-2030, dawn il-miżuri li ħdimna fuqhom iridu jitwettqu bl-aqwa mod. Inħares ‘il quddiem biex din l-istrateġija tħalli impatt pożittiv favur id-dinjità u l-awtonomija ta’ persuni kbar fl-età f’pajjiżna,” temm jgħid l-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport