Minn Cristian Muscat
Ta’ 17-il sena biss, iżda diġà qed jitqies bħala wieħed mill-aktar talenti promettenti fil-kickboxing Malti. Victor Galea ilu jipprattika dan l-isport għal ħames snin biss, iżda matul dan iż-żmien diġà rnexxielu jirbaħ diversi titli internazzjonali u jibni reputazzjoni ta’ atleta dixxiplinat u determinat. L-aħħar sfida tiegħu kienet waħda mill-akbar fil-karriera tiegħu meta ġġieled fi Spanja għat-titlu dinji tal-WKN fil-kategorija Junior.
Għalkemm ir-riżultat uffiċjali ma marx favur tiegħu, ħafna minn dawk li segwew il-konfront kienu tal-fehma li l-atleta Malti kellu prestazzjoni eċċellenti u li kien jistħoqqlu aktar. Minkejja d-diżappunt, Victor jinsab determinat li jħares biss ’il quddiem u jkompli jaħdem biex jerġa’ jingħata l-opportunità li jiġġieled għal dan it-titlu.
“Din kienet l-akbar ġlieda tal-karriera tiegħi u għamilt dak kollu li stajt biex inġib iċ-ċinturin dinji lura Malta fejn nemmen li jappartjeni,” qal Victor.
Il-vjaġġ tiegħu lejn din il-ġlieda kien wieħed mimli sagrifiċċji. Kull sessjoni ta’ taħriġ kienet ippjanata fid-dettall, filwaqt li l-preparazzjoni fiżika kienet tinkludi wkoll xogħol kontinwu fuq l-irkupru u l-kundizzjoni tiegħu. Huwa rringrazzja lill-isports massage therapist Clay Gatt, li akkumpanjah ukoll fi Spanja.
“Clay għamel minn kollox biex inkun fl-aqwa kundizzjoni possibbli. Huwa vvjaġġa minn Malta biex ikun hemm miegħi u napprezza ħafna d-dedikazzjoni tiegħu.”
Warajh kellu wkoll tim magħqud li emmnu fih sa mill-bidu. Team Noel Fight & Fitness Malta ddedika din l-esperjenza lill-isport Malti kollu, u sostna li din ma kinitx biss serata ta’ ġlied iżda riflessjoni tas-snin ta’ sagrifiċċji tal-atleti, il-coaches, il-familji u dawk kollha li jappoġġjawhom.
Il-kowċ tiegħu, Samuele Andolina, ma ħebiex id-diżappunt tiegħu wara l-verdett.
“Huwa ta wirja mill-aqwa ta’ aggressività, determinazzjoni liema bħalha u teknika. Nemmen bis-sħiħ li għamel biżżejjed biex jirbaħ il-ġlieda.”
Andolina sostna li l-mod kif ġiet iġġudikata l-ġlieda ħalla ħafna mistoqsijiet. Skontu, Victor ikkontrolla l-parti l-kbira tal-konfront, iżda minkejja dan it-tliet judges taw il-punti favur l-avversarju Spanjol f’diversi rounds.
Saħansitra spjega li fit-tieni round, l-avversarju prattikament laqat biss daqqa diretta waħda, filwaqt li l-kicks u l-irkopptejn tiegħu ġew imblukkati u kkontrattakkati minn Victor. Minkejja dan, il-round ingħata kollu lill-Ispanjol.
“Meta tiġġieled barra minn pajjiżek kontra atleta lokali, kultant tħoss li trid tagħmel ħafna aktar milli sempliċement tirbaħ bil-punti,” qal Victor Galea.
Galea rringrazja lill-kowċ Samuele Andonlina li qal li kien investa ħafna f’dan il-proġett, kemm professjonalment kif ukoll personalment, u jemmen li deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jaffettwaw il-futur ta’ atleti żgħażagħ bħalu.
Victor stess tkellem b’mod ċar dwar dak li ħass wara li ntemmet il-ġlieda.
“Ma naqbilx mar-riżultat. Nemmen li kkontrollajt u ddominajt il-konfront. Fl-opinjoni tiegħi rbaħt erbgħa mill-ħames rounds u għalhekk kien diffiċli nifhem kif il-verdett kien unanimu favur l-avversarju.”
Huwa spjega wkoll li f’ġlieda għal titlu dinji għandu dejjem ikun hemm imparzjalità assoluta.
“Nemmen li f’konfronti ta’ dan il-livell għandha tingħata attenzjoni kbira lill-uffiċjali sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-ġustizzja tal-proċess.”
Madankollu, minkejja d-diżappunt tiegħu, Victor wera rispett sħiħ lejn l-avversarju tiegħu.
“Kien konfront rispettabbli u nirringrazzjah tal-isportivita’ li wera.”
Il-ġellied żagħżugħ irringrazzja wkoll lill-kowċ Samuele Andolina għall-pjan tattiku li ħejjew flimkien, lil missieru għas-sostenn kontinwu tiegħu, lil Clay Gatt għall-għajnuna fil-preparazzjoni fiżika u lil Master Noel Mercieca għall-gwida tiegħu tul il-karriera.
Proprju Noel Mercieca ilu jsegwi l-progress ta’ Victor mill-qrib u jemmen li l-futur tiegħu huwa wieħed promettenti ħafna. Għalih, din il-ġlieda kienet biss pass ieħor fil-mixja ta’ atleta li għandu l-potenzjal jasal fil-quċċata.
L-appoġġ tal-familja kien emozzjonanti wkoll. Messaġġ li ġibed l-attenzjoni kien dak indirizzat lil Victor qabel il-ġlieda, fejn ġie mfakkar kemm huma kbar is-sagrifiċċji li jagħmel kuljum.
“Li tiġġieled għal wieħed mill-akbar titli fil-kickboxing hija kisba enormi għal żagħżugħ ta’ 17-il sena. Naf kemm ħdimt u kemm issagrifikajt. Nemmen fik u dejjem se nkunu warajk. Aħna kburin bik.”
Minkejja li ma rnexxilux jirritorna Malta bit-titlu dinji, Victor ma jħossx li tilef.
“Ninsab diżappuntant li ma ġibtx iċ-ċinturin miegħi iżda wasalt Malta b’rasi mgħollija għax tajt dak kollu li naf. Naf x’għamilt ġewwa r-ring u ħafna nies li raw il-ġlieda jaqblu miegħi. Għalija dan jagħtini aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem.”
Fil-fatt, diġà beda jħares lejn il-futur. Huwa kkonferma li qed isir xogħol sabiex tiġi organizzata rematch, filwaqt li l-preparazzjoni tiegħu ma waqfitx.
“Dawn l-affarijiet jiġru fl-isport. Issa rridu nħarsu ’l quddiem. Se nkomplu naħdmu, nitjiebu aktar u nittama li nerġa’ ningħata ċ-ċans niġġieled għal dan it-titlu.”
Għal atleta ta’ 17-il sena, li diġà kiseb suċċessi internazzjonali u wasal biex jiġġieled għal kampjonat dinji, il-futur jidher tassew sabiħ. Id-determinazzjoni, id-dixxiplina u l-mentalità li wera wara dan id-diżappunt huma sinjal ċar li Victor Galea għadu biss fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu.
Jekk jibqa’ jaħdem bl-istess impenn u umiltà li wera sa issa, mhux se tkun sorpriża jekk fil-futur qarib ikun hu stess li jġib lura Malta t-titlu dinji li jemmen li darba jew oħra se jkun tiegħu.



