Thursday, May 14, 2026

Vincenzo Iaquinta … minn Calabria għal sal-quċċata tal-foobtall dinji

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-eks attakkant Taljan u champion tad-dinja fl-2006, Vincenzo Iaquinta reġa’ żar Malta dan l-aħħar bħala mistieden speċjali tal-Black & White Podcast, f’avveniment organizzat għall-komunità dejjem tikber ta’ partitarji ta’ Juventus f’paj­jiżna.

L-attività laqqgħet flim­kien eks players Juventini u mijiet ta’ parititarji Maltin, f’serata li kienet ċelebrata b’ikla, sessjonijiet ta’ awtografi u anke memorabilia uffiċjali tal-club. Iaquinta ġie ma’ eks-player ta’ Juventus ieħor,  Alessio Tacchinardi.

Għal Iaquinta, din ma kinitx l-ewwel darba tiegħu f’Malta. Fil-fatt, huwa kien diġà żar il-Gżejjer Maltin fl-2008 meta Juventus lagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Valletta, taħt it-tmexxija ta’ Claudio Ranieri.

Dik iż-żjara kienet baq­għet f’moħħu minħabba l-entużjażmu kbir tal-partitarji Maltin u l-passjoni ċara tagħhom għall-football.

“Malta dejjem baqgħet f’qalbi. Il-partitarji kienu mill-isbaħ u l-atmosfera kie­net tassew speċjali,” qal Iaquinta waqt l-avveniment.

Minn dak il-punt ’il qud­diem, Malta saret parti żgħira iżda memorabbli mill-istorja tiegħu li bdiet fir-reġjun ta’ Calabria u laħqet il-quċċata tagħha fuq l-akbar stadia tad-dinja tal- football.

Vincenzo Iaquinta twie­led fil-21 ta’ Novembru 1979 f’Cutro, f’Calabria. Bħal ħafna familji fin-nofsinhar tal-Italja, il-ġenituri tiegħu marru jgħixu fit-tramuntana għal opportunitajiet aħjar, u hemmhekk beda l-vjaġġ tie­għu fil-football.

Huwa beda jilgħab fil-li­velli tad-dilettanti ma’ Reggiolo, fejn diġà kien jidher li kellu saħħa fiżika, veloċità u sens naturali ta’ goals.

Dawn il-karatteristiċi għe­nuh biex jagħmel il-pass lejn il-football professjonali meta ngħaqad ma’ Calcio Padova fl-1998.

Għalkemm il-perjodu tie­għu hemmhekk kien qasir, kien kruċjali biex jiftaħlu l-bibien għal opportunitajiet oħra, u ftit wara kompla l-karriera tiegħu ma’ Castel di Sangro fil-kampjonat Serie C1.

Il-vera bidla fil-karriera ta’ Iaquinta waslet fis-sena 2000 meta ngħaqad ma’ Udinese. Hemmhekk, huwa beda juri l-potenzjal tiegħu bħala attakkant modern.

Matul is-snin, sar wieħed mill-aktar attakkanti rispettati fil-kampjonat Taljan. Il-perjodu bejn l-2004 u l-2007 kien partikolarment qawwi, fejn skorja numru kbir ta’ goals u għen lil Udinese jilħqu il-kompetizzjonijiet Ewropej, inkluż l-UEFA Champions League.

L-istaġun 2005–06 kien wieħed mill-aqwa tiegħu, fejn skorja 17-il goal fil- kampjonat u kkonferma ru­ħu bħala skorer prolifiku ta’ livell għoli.

Fl-2007, Iaquinta ngħaqad ma’ Juventus, wieħed mill- akbar clubs fid-dinja.

Hemmhekk sab ruħu f’ambjent kompetittiv ħafna, ma’ attakkanti bħal Alessandro Del Piero u David Trezeguet.

Minkejja li ħafna drabi beda fuq il-bank, kien player importanti meta ngħata ċ-ċans. Kien magħruf għall-veloċità tiegħu, il-qawwa fiżika u l-abbiltà li jagħmel impatt immedjat fil-logħba.

Fost il-mumenti memorabbli tiegħu ma’ Juventus hemm goals kruċjali fil- kampjonat u prestazzjoni­jiet tajbin fil-UEFA Champions League.

Madankollu, injuries serji bdew jaffettwaw il-kar­riera tiegħu, speċjalment wara l-2009, u dan naqqaslu l-konsistenza tiegħu fil-ground.

Iaquinta kien parti mit-team nazzjonali Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja 2006 taħt il-coach Marcello Lippi. Dan kien l-akbar mument fil-karriera tiegħu.

Huwa skorja fil-logħba tal-ftuħ kontra Ghana u lagħab rwol importanti fil-vjaġġ tal-Italja lejn it-titlu mondjali. Għalkemm ma kienx dejjem jibda fil-formazzjoni inizjali, kien player li tista’ tafda fuqu u utli ħafna għall-iskwadra.

Huwa lagħab ukoll fit- Tazza tad-Dinja 2010, fejn skorja penalty kontra New Zealand, iżda l-Italja ġiet eliminata kmieni mit-tournament.

Iaquinta kien attakkant fiżikament b’saħħtu, veloċi u aggressiv. Kien jattakka l-ispazji wara d-difiża u kien perikoluż ħafna fuq il-kontrattakk.

Kien ukoll player li jaħ­dem ħafna għat-team, jagħ­mel ġirjiet effettivi u joħloq spazju għal sħabu. Il-versatilità tiegħu kienet tippermettilu jilgħab f’diversi rwoli offensivi.

Madankollu, injuries frek­wenti kienu fattur ne­gattiv li affettwaw il-kar­riera tiegħu u l-kontinwità tiegħu fil-livell għoli.

Wara li rtira fl-2013, Iaquinta baqa’ marbut mal- football u spiss jidher f’avvenimenti relatati ma’ Juventus u komunitajiet ta’ partitarji madwar l-Ewropa.

F’Malta, ir-ritorn tiegħu permezz tal-Black & White Podcast reġa’ fetaħ kapitlu ta’ memorji sbieħ.

Huwa tkellem b’mod po­żittiv ma’ dan il-ġurnal dwar il-partitarji Maltin u kif il- football għandu kapaċità unika li jgħaqqad kulturi differenti.

“Il-football huwa emoz­zjoni u Malta turi dan perfettament,” huwa qal.

Iaquinta wkoll enfasizza kemm il-karriera tiegħu għal­lmitu dwar id-dixxiplina u s-sagrifiċċju meħtieġ biex tintlaħaq il-quċċata fil- football.

“Kull suċċess li kiseb kien riżultat ta’ snin ta’ xogħol kontinwu, anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb minħabba injuries jew nuqqas ta’ minuti fil-ground.

Huwa rrimarka wkoll kif illum jara l-football b’mod differenti bħala missier, fejn japprezza aktar il-proċess ta’ żvilupp taż-żgħażagħ milli r-riżultat immedjat.

Skont hu, il-football mo­dern jeħtieġ aktar paċenzja u investiment fit-talent lokali biex jinbnew players għal-livell internazzjonali.

Meta ġie mistoqsi dwar it-team nazzjonali Taljan li għat-tielet darba konsekuttiva naqas milli jikkwalifika għat-Tazza tad-dinja, huwa wieġeb:

“M’hemmx xi ngħidu. Hemm bżonn li kollox jerġa’ jibda mill-ġdid għax dan nistgħu nqisuh bħala diżastru li ma ksibniex il-kwalifikazzjoni. Nittama li l-president il-ġdid tal-FIGC jieħu ħsieb sew li jaħdem fuq bini mill-ġdid u fuq kollox li nagħtu valur liż-żgħażagħ.

“Jien nara lil Roberto Baggio jew Paolo Maldini bħala presidenti għalkemm imsemmi wkoll Giovanni Malago. L-importanti li min jilħaq ikun jifhem sew fil- football.”

Il-karriera ta’ Vincenzo Iaquinta hija waħda mibnija fuq xogħol iebes, suċċessi kbar u sfidi personali.

Minn Calabria sal-quċċata tal-football dinji, huwa baqa’ player rispettat u fuq kollox imfakkar.

U fost il-ħafna stadji tal-vjaġġ tiegħu, Malta tibqa’ bħala waħda mill-waqfiet speċjali, post fejn il-football, il-partitarji u l-emoz­zjoni ltaqgħu f’mument wieħed li baqa’ fil-memorja tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport