Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Serba ġew imkeċċija mill-pajjiż wara li skontaw sentenzi separati ta’ priġunerija effettiva. L-ewwel raġel skonta sentenza ta’ sentejn u sitt xhur ħabs wara li kien instab ħati ta’ traffikar tad-droga, u li kellu fil-pussess tiegħu dokumenti foloz.
Huwa kien instab ħati wkoll ta’ diversi serqiet minn ħanut tal-merċa fil-Mellieħa. Ir-raġel li skonta sentenza ta’ priġunerija sal-aħħar tal-2024 baqa’ jinżamm f’detenzjoni sakemm ġiet deċiża applikazzjoni li għamel għall-ażil f’pajjiżna, liema applikazzjoni ġiet riġettata mill-awtoritajiet kompetenti.
Fl-istess waqt irraġel ipprova jisfida d-deċiżjoni ta’ ritorn u tneħħija maħruġa mill-Uffiċjal Prinċipali talImmigrazzjoni fil-Qorti, liema kawża wkoll ġiet irrifjutata mill-Qorti. Ir-raġel l-ieħor ġie miżmum mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni wara li skonta sentenza ta’ ħames snin priġunerija effettiva.
Huwa kien instab ħati ta’ serqa armata minn ħanut talmerċa fil-Mosta u serq minn supermarket f’San Pawl il-Baħar, minn vettura, minn sit ta’ kostruzzjoni u minn appartament fin-Naxxar. Huwa kien instab ħati wkoll li żamm persuna kontra r-rieda tagħha waqt waħda mis-serqiet.
Iż-żewġt irġiel inżammu f’ċentru ta’ detenzjoni taħt il-ħarsien tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni sakemm seta’ jsir ir-ritorn sfurzat tagħhom. Din l-operazzjoni tmexxiet mill-Korp tal-Pulizija assistiti minn uffiċjali tas-Servizzi ta’ Detenzjoni. Dawn il-persuni issa huma mċaħda milli jidħlu f’Malta u fiż-żona Schengen.


