“Il-Musulman”. Hekk bdew jirreferu għalih fuq għadd ta’ siti soċjali. Riferenza ċara għall-aħbar li kienet għadha kif ħarġet li Omar Rababah, persuna Maltija imma missieru Sirjan, kien se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Anki fid-diskursati fil-ħwienet tat-te, ħadd ma jsemmih b’ismu….imma tisma’ “smajtha tal-Musulman’”.
Xi drabi d-diskursati jisħnu sew. Grupp ta’ anzjani miġburin f’ħanut fil-Ħamrun. Inżertajt qiegħed hemm. “Smajtuha l-aħħar waħda. Iridu jdaħħluhom fil-Parlament issa. Mhux biżżejjed imtlejna bihom”. Wieħed minnhom jgħidlu li “se jeħduna”. Ieħor jgħidlu “jimlewna bil-moskej. Il-festi jispiċċaw, iwaqqfuhom.” Iwieġbu l-ewwel anzjan, “nitfagħhom kollha ‘lbarra. Sirt tibża toħroġ barra”. U d-diskussjoni tkompli b’turrun ta’ aġġettivi iebsin u ta’ mibegħda kontra l-barranin.
Id-diskussjoni mimlija mibegħda imbagħad tisplodi fuq is-siti soċjali. “L-ewwel pass sa kemm ikunu fil-poter u jikkmandaw huma. Kuntenta int bil-liġi tax-Sharia? Kuntent li jaħarqu il-knejjes tagħna kif ġara fl-Ewropa kollha? Kuntenta bin-‘no go zone’?”. “Ikollok bilfors tilbes il-burka u ġġib xi żewġ nisa oħra miegħek”. “B’Omar Rababah niġu razza tal-ħnieżer. Jibnu moskea f’kull kantuniera. Jneħħu s-salib mill-klassijiet u nisimgħu b’iktar stupri fuq tfajliet Maltin”.
Kontroversja inutli u li ma tagħmel l-ebda sens…biża’ frott il-preġudizzji u biżgħat immaġinarji
Dak li rajna fl-aħħar jiem b’kummenti mill-aktar iebsin u li jweġġgħu, flimkien ma’ xenofobija u iżlamobobija, b’rabta mal-kandidatura ta’ Omar Rababah mal-Partit Laburista, kienet kontoversja intuli u li ma tagħmel l-ebda sens. Kull kliem bħal li ‘ma rriduhx fil-Parlament’ u ‘m’għandux jikkontesta’, kienu għal kollox bla bażi. Dan għax il-Kostituzzjoni Maltija tgħid ċar u tond li “persuna tkun kwalifikata biex tkun eletta bħala membru tal-Kamra tad-Deputati jekk ikollha, u ma tkunx kwalifikata biex tkun hekk eletta kemm-il darba ma jkollhiex l-età ta’ tmintax-il sena u l-kwalifiki għar-reġistrazzjoni bħala elettur għall-elezzjoni ta’ membri tal-Kamra tad-Deputati.”
Prattikament dan ifisser li f’Malta, elezzjoni ġenerali tista’ tiġi kkontestata minn persuna li għandha ċ-ċittadinanza Maltija, għandha mill-inqas 18-il sena fil-jum tan-nomina, hi eliġibbli biex tivvota u mhix skwalifikata bil-liġi (per eżempju minħabba ċerti karigi pubbliċi jew sentenzi kriminali).
Dak li għadda minn Omar Rababah, għaddew minnu kandidati oħra ta’ twemmin Musulman li kkontestaw elezzjonijiet fl-Ewropa. Dak li ffaċċja kien abbuż verbali, diskors ta’ mibegħda. Ma tonqosx id-diżinformazzjoni u narrattivi ta’ “lealtà” u għalhekk kif tħabbret din il-kandidatura ġara dak li ġara f’elezzjonijiet oħra barranin u l-kandidat beda jiġi attakkat u deskritt bħala li hu barrani jew li jrid jimponi r-reliġjon li hu jħaddan.
Kif ġara f’pajjiżi oħra b’rabta ma’ kandidaturi ta’ persuni Musulmani, il-kandidat beda jiġi marbut mal-estremiżmu. Bdejna naraw kummenti li jippontaw is-swaba li dan il-kandidat se jipprijotizza l-identità reliġjuża fuq il-valuri demokratiċi.
Ma’ dan imbagħad kellna min beda jagħmel akkużi oħra fosthom li l-Musulmani jivvotaw bħala familja. Dan meta hu fatt li m’hemm ebda evidenza għal dan, u dawn l-akkużi ikomplu jsaħħu l-isterjotipi dwar il-parteċipazzjoni politika Musulmana.
Jippontaw is-swaba lejn il-kandidatura u jqisuha ‘suspettuża’ u ‘perikoluża’
Jekk wieħed jistħarreġ fuq x’kien qiegħed jingħad u jinkiteb isib li kien hemm min beda jorbot il-kandidatura ta’ Omar Rababah ma’ theddid għas-sigurtà. Din hi retorika li smajniha ukoll f’kampanji elettorali f’xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Retorika li torbot lill-Musulmani mat-terroriżmu jew riskji għas-sigurtà Dan joħloq ambjent fejn il-kandidati Musulmani jiġu trattati bħala suspettużi jew perikolużi aktar milli bħala parteċipanti leġittimi fi proċess elettorali.
Lil hinn mill-preġudizzji u biża’ immaġinarja…
…il-pożittiv marbut ma’ kandidatura simili
Minkejja dak li ngħad, li kollu kemm hu tista’ tgħid li hu influwenzat mill-preġudizzji li splodew fostna, kandidatura bħal dik ta’ Omar Rababah iġġib magħha għadd ta’ aspetti pożittivi f’soċjetà demokratika.
Ħasra li fid-dellirju ta’ kummenti ta’ mibegħda u dispreġjattivi, dan il-punt lanqas biss inqabad. Wieħed mill-aspetti pożittivi hu dak li meta jkun hemm kandidati minn sfondi kulturali differenti, il-Parlament ikun jirrifletti aħjar id-diversità tas-soċjetà. Dan jista’ jgħin biex aktar nies iħossuhom rappreżentati.
Hemm l-aspett tal-inklużjoni u l-integrazzjoni, aspett li f’pajjiżna għadna lura ħafna fih. Aspett li jinsab mhedded sew mill-mod kif żdied ir-razziżmu fostna. Kandidatura ta’ persuna minn sfont kulturali differenti jew anke ta’ reliġjon differenti jista’ jkun sinjal li s-soċjetà qed issir aktar miftuħa u inklużiva, fejn kulħadd għandu opportunità jipparteċipa fil-politika, irrispettivament mir-reliġjon tiegħu.
Hemm l-aspett li persuni jew kandidati bi sfont differenti spiss iġibu ideat u esperjenzi ġodda. Dan jista’ jwassal għal diskussjonijiet aktar maturi, miftuħin u soluzzjonijiet aktar kreattivi għall-problemi soċjali u ekonomiċi.
Hi sfortuna li din il-kandidatura qajmet kwistjonijiet sħaħ b’kummenti dispreġjattivi għal aħħar, ħafna drabi frott dak li l-istess poplu ġie mitmugħ fl-aħħar snin. Kandidatura ta’ persuni bi sfont kulturali differenti, fuq perjodu ta’ żmien jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-isterjotipi jew il-biżgħat mhux fondati. Dan għax dik il-persuna tista’ tiġi evalwata fuq il-ħidma u l-ideat tagħha, mhux fuq il-kultura jew ir-reliġjon tagħha.
M’hemmx dubju li kandidatura bħal dik ta’ Omar Rababah, tagħti ukoll sinjal liż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li ġejjin minn minoranzi. Sinjal li jista’ jħeġġeġ biex żgħażagħ minn minoranzi oħra jinvolvu ruħhom fil-ħajja pubblika u dan għax jibdew jemmnu u jħossu li għandhom post fis-soċjetà.
Kontroversja mistennija….wara snin ta’ ‘shows’ b’ħaddiema barranin
Kien hemm ħafna li ddikjaraw li jinsabu xxukkjati bil-kummenti li saru fil-konfront ta’ Omar Rababah. M’hemmx dubju li l-kummenti urew kif ir-razziżmu sploda f’pajjiżna. Kif il-perċezzjonijiet lejn il-barranin jew lejn dawk li huma differenti minnha, qegħdin jiddominawna.
Fuq kollox kienu kummenti li urew kif falliet il-ħidma kontra r-razziżmu. Li tisma’ li hemm min jgħid li għall-mument aħjar ma nitkellmux fuq kwistjonjiet marbutin ma’ barranin jew razziżmu minħabba dak li qiegħed jinkiteb, jurik b’mod ċar kif bħala pajjiż fallejna f’dik li hi l-ġlieda kontra r-razziżmu. Is-skiet ta’ diversi organizazzjonijiet, jew dikjarazzjonijiet dgħajfin minn oħrajn, hu ukoll xhieda ta’ dan.
Dak li seħħ, irridu ngħidu li ma kienx sorpriża. Min isegwi dan il-qasam jaf li ilna għal dawn l-aħħar snin, nimbuttaw sitwazzjoni fejn kien qiegħed isir teatrin sħiħ b’mezzi tal-midja kompliċi ma’ dan. Teatrin li kien jinvolvi ħaddiema barranin, li kull m’għamlu ppruvaw jaqilgħu lira rregolarment. Ippruvaw jgħixu.
Imma kienu qegħdin jaħdmu illegalment. Inqabdu. U x’jiġri? Inġibdu ir-ritratti tagħhom. Immanettjati. Eskortati. U waqt li juruna dan, jgħidulna b’ċertu fervur li intbagħtu lura. Indirettament il-messaġġ li jasallek hu ċar…..naqqasna aktar minnhom. Qegħdin neħilsu minnhom. F’moħħ il-poplu dan hu l-messaġġ li jasal għal dawn it-tip ta’ messaġġi.
Sitwazzjonijiet, u immaġini fil-midja, li llum hu pruvat li jkomplu jżidu l-perċezzjonijiet u isterjotipi. Kitbiet li jkompli jsaħħu l-perċezzjoni ta’ ‘L-Iswed hu ħażin’ (Black is Bad’ jew ‘’il-barranin minn terzi huma ħżiena’.
Meta jixxandru aħbarijiet bħal dawk, f’moħħ in-nies tissaħħaħ aktar il-perċezzjoni li l-barranin qegħdin hawn b’mod illegali. Id-dehra tagħhom mal-Pulizija, f’moħħ in-nies ma turi xejn għajr li kienu qegħdin jagħmlu xi ħaġa ħażina.
Kandidat….l-aktar ħaġa importanti tibqa’ l-kompetenza, il-valuri u l-politika tiegħu
U waqt li ħafna għażlu li jiġġudikaw abbażi ta’ reliġjon jew kultura, fejn tidħol kandidatura politika, il-ġudizzju irid isir fuq dak li l-aktar hu importanti biex kandidat jirrappreżenta bl-aħjar mod il-kostitwenti tiegħu. Dan ifisser li l-iktar ħaġa importanti hi l-kompetenza, il-valuri u l-politika tiegħu.
Wieħed irid jirrimarka li biex partit hu min hu jibqa’ ħaj, irid ikun inklussiv. Irid joħroġ minn wara l-ħitan li jkun fihom u jinkludi nies oħra b’fehmiet differenti. Partit li ingħalqu fihom infushom staġnaw. Tilfu l-appoġġ. Fis-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha llum spiċċa ż-żmien li wieħed ibeżża’ b’affarijiet immaġinarji.
Il-valuri veri xellugin….kontra l-esklużjoni
U l-kandidatura ta’ Omar Rababah ħasdet ukoll anke persuni ta’ twemmin Laburista. Kien hemm min pubblikament ħareġ jitkellem, oħrajn tkellmu fis-skiet. Omar Rababah kien konxju ta’ dan ukoll.
U hawn joħroġ punt ieħor kardinali. Rababah se jikkontesta mal-Partit Laburista, partit li kien twaqqaf fuq il-prinċipji xellugin – fuq is-soċjaliżmu. U l-valuri veri tas-soċjaliżmu x’inhuma? Il-valur tas-soċjaliżmu hu s-solidarjetà. L-inklużjoni. Il-ġustizzja soċjali. Id-dinjità tal-persuna. Dak li kull persuna irrispettivament min hi għandha post sħiħ fis-soċjetà irrispettivament mill-oriġini, il-kultura jew it-twemmin tiegħek. Is-soċjaliżmu qatt ma kien mibni fuq l-esklużjoni u l-preġudizzji.
U allura min jiddubità lil xi ħadd minħabba dak li jemmen, minħabba kunjomu, jew minħabba l-kultura tiegħu, dak ikun qiegħed jitbiegħed mill-prinċipju bażiku tas-soċjaliżmu li fuqu hu mibni l-Partit Laburista.
Dak li seħħ hekk kif tħabbret il-kandidatura ta’ Omar Rababah, hi dik li għandna niġġieldu l-isterjotipi u l-preġudizzji. Li nwaqqgħu l-ħitan li qegħdin ixekkluna. Li niġġieldu l-mentalità ta’ ‘aħna u huma’. Nieqfu nħaddnu magħna ideat li jeskludu u li jwarrbu lil ħaddiehor, fosthom ħaddiema terzi jew nies minn kultura differenti. Aħna kollha umani. Kollha indaqs.


