Mhuwiex illum biss li l-Partit Laburista qed jagħti l-importanza mistħoqqha lill-anzjani tagħna fil-Manifest Elettorali tiegħu. Sa minn meta l-poplu ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista biex imexxi lil pajjiżna f’Marzu tal-2013, mill-ewwel bdiet il-ħidma tal-amministrazzjoni Laburista ta’ dakinhar biex neħħejna l-pensjonijiet mill-friża li żammewhom fiha l-Gvern Nazzjonalisti li kellna qabel. Sa dakinhar, l-unika żieda li kienu jieħdu l-pensjonanti tagħna kienet żewġ terzi ta’ dak li l-Gvern kien jiddikjara bħala żjieda fil-COLA.
Dan inbidel kollu bil-miġja tal-Gvern Laburista. Mill-ewwel l-anzjani bdew jingħataw iż-żieda tal-COLA sħiħa u iżjed minn hekk, sena wara sena iż-żjidiet fil-pensjonijiet bdew ikunu ferm aktar mill-COLA. Tant żidna l-pensjonijiet li l-inqas pensjoni li qed tingħata bħalissa hija saħansitra ogħla mill-ogħla pensjoni li kienet tingħata fl-2012. Barra minn dan kollu, Gvern Laburista fl-aħħar snin beda jsewwi l-ħsara kbira li għamlu n-nazzjonalisti għas-sistema tal-pensjonijiet meta fl-2006 ħolqu diskriminazzjoni bejn dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Din l-anomilija qed tiġi rranġata kull sena sakemm fl-2028 tkun ġiet solvuta l-problema kollha u l-ogħla pensjoni taż-żewġ kategoriji se tkun l-istess.
Għal li ġej, il-Partit Laburista qiegħed iwiegħed lill-pensjonanti u l-anzjani kollha Maltin u Għawdxin li għalih huma se jibqgħu prijorita, ħidma iffukata biex tkompli titjieb il-kwalita tal-ħajja tagħhom. Kien għalhekk li diga’ ħabbarna li fil-leġislatura li jmiss, il-pensjonijiet kollha se jiżdiedu b’€50 fil-ġimgħa fuq medda ta’ ħames snin.
Ħabbarna wkoll li l-bonus li jingħata lil dawk li m’għandomx biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni se jibda jiżdied bil-COLA kull sena. Ser nerġgħu inżidu l-għotja għall-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 75 sena b’€200 ohra.
Aħna, bħala Partit Laburista konxji ta’ kemm l-anzjani jkunu jixtiequ jibqgħu jgħixu fil-kommunita tagħhom, fid-dar li fiha għexu għal għexieren ta’ snin. Nafu li għandna mijiet ta’ anzjani li jgħixu weħidhom u li qed jagħżlu li jkollhom live-in carer tgħix magħhom għall-bżonnijiet tagħhom. Għaldaqstant, fil-leġislatura li jmiss l-għajnuna li se tibda tingħata mill-Gvern għal dawk li jkollhom live-in carer magħhom se tiżdied għal €11,000. Din hija żieda ta’ €2,000 fuq dak li qed jingħata bħalissa u jkun ifisser li l-għotja ser tlaħħaq il-livell tal-paga minima.
Il-Partit Laburista b’dan kollu jrid ikompli jinkoraġġixxi l-anzjani jibqgħu jgħixu fil kommunita tagħhom. Anke se jibda jingħata smart wearable device lill-anzjani li għandhom ’il fuq minn 80 sena u jgħixu waħidhom biex ikollhom serħan il-moħħ li saħħithom qed tiġi monitorjata u f’każ ta’ emerġenza tittieħed azzjoni immedjata. Dan l-apparat jimmarka sinjali ta’ diġenerazzjoni rapida f’saħħet l-anzjani, ikejjel l-istat ta’ idrazzjoni u r-rata li biha qed tħabbat il-qalb, filwaqt li jfakkar lill-anzjani meta għandhom jieħdu l-mediċina.
Permeżż taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva qed noffru opportunitajiet lill-anzjani biex jibqgħu attivi fiżikament, mentalment u soċjalment. Bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, illum bosta lokalitajiet qed jamministraw Ċentri għall-Anzjanità Attiva. Il-Gvern se jkompli jinvesti aktar riżorsi sabiex jiġu estiżi l-ġranet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri, ivarja l-attivitajiet li jsiru fihom u jkompli jiftaħ ċentri oħra madwar il-pajjiż kollu.
Dawn kienu biss ftit mill-miżuri li l-Partit Laburista qed jipproponi għall-ħames snin li ġejjin b’risq l-anzjani tagħna. Għalina l-anzjani u l-pensjonanti huma prijorita. Il-pajjiż huwa rikonoxxenti lejn dawk li għamlu għalina il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Bix-xogħol tagħhom pajjiżna mexa ‘l quddiem u jinsab fil-pożizzjoni li qiegħed fiha illum. Għalhekk issa huwa sta għalina lkoll li lill-anzjani tagħna nkomplu ngħinuhom jgħixu kwalita ta’ ħajja tajba kif żgur li huma stess joħolmu. Il-ħolm tal-anzjani tagħna huwa l-proġett tagħna.


