Thursday, November 21, 2024

Wara snin mifrudin ingħaqdet ma’ ħuha wara l-ħarba mill-Afganistan

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Snin mifruda minn ma’ ħuha. Bdew proċess ta’ riunifikazzjoni li fih sabu l-intoppi kollha immaġinabbli. Marret waħidha f’belt bħal Kabul fl-Afganistan bl-għan li tinħareġ visa għal Italja. Indunaw li ġejja mill-Hazara, li huma meqjusin bħala l-għadu tat-Talibani. F’Kabul għamluhielha diffiċli biex ġabret id-dokumenti, proċess li ħa sena. Biex isir il-proċess ta’ riunifikazzjoni kien hemm bżonn li hi tibqa’ taħt l-età. Marret l-Indja bl-għan li tinħareġ visa u din ċaħduhielha minħabba żball fid-data tat-twelid.  Ippruvat visa għal Olanda iżda din ġie miċħuda ukoll. Mad-dħul tat-Talibani f’Kabul f’Awwissu li għadda hi spiċċat ħarbet. Spiċċat timxi erbat ijiem biex qasmet il-fruntiera mal-Pakistan.  Fl-aħħar wara tentattivi ma jaqtgħu xejn, irnexxielha tasal l-Italja u wara tant snin għannnqet lil ħuha Liaqat. 

Liaqat Kasemi fl-aħħar sigħat tkellem ma’ Talk.mt.  Qalilna  li “dak li għaddej minnu bħalissa hu ferħ indeskrivibbli.  Ninsabu kuntenti ħafna. Għamilna ħidma kbira u kont se naqbad nibda ngħejja. Kienet qisha soap opera li ma tista’ tispiċċa qatt. Kien hemm burokrazija kbira u din hi xi ħaġa diffiċli. Oħti spiċċat qasmet il-fruntiera bejn il-Pakistan u l-Afganistan. Vjaġġ li dam erbat ijiem. Imxiet anke bil-lejl. Meta waslu u kien hemm mijiet ta’ Afgani li qed jaħarbu, huma ma ġewx aċċettati mill-armata Pakistana. Finalment oħti imma issa ingħaqdet miegħi fl-Italja. Tinsab sigura. Kemm kienet iebsa biex wasalna sa hawn”. 

Liaqat jgħid li “fl-aħħar għannaqna lil xulxin wara tant snin mifrudin. Kienet battalja iebda u diffiċli biex inġabet mill-Afganistan.  Issa oħti hi libera. Għandha l-libertà li tiddeċiedi hi xi trid tagħmel b’ħajjitha. Se nkompli nitkellem għal dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw is-sofferenzi. Se nibqa’ f’kull okkażjoni nikkritika lir-reġim attwali tal-Afganistan, reġim li qed ineħħi id-drittijiet tan-nisa Afgani”, jiddikjara Liaqat. 

Liaqat, kien ilu għal żmien twil, qabel it-Talibani rebħu Kabul u ħadu lura l-kontroll tal-pajjiż, jaħdem u jistinka biex oħtu tingħaqad miegħu fl-Italja u dan permezz ta’ proċess ta’ riunifikazzjoni.

L-istorja ta’ Neda

Liaqat Kasemi meta kien tkellem ma’ Talk.mt kien qalilna li “kif it-Talibani daħlu f’Kabul, oħti ma kellhiex triq oħra għajr li taħrab. Aħna bħala familja ġejjin mill-grupp etniku tal-Hazara. Grupp li minn dejjem kienu ippersegwitati mit-Talibani. Ħajjitha fl-Afganistan kienet fil-periklu. Irnexxielha toħroġ mill-Afganistan u tinsab fil-Pakistan eżattament fi Quetta fejn hemm ħafna rifuġjati Hazara. Jien ngħix l-Italja u ilni għal dawn l-aħħar sentejn naħdem biex isir il-proċess ta’ riunifikazzjoni. Dan hu dritt, imma l-proċess qed idum. Anzi minħabba xi żbalji ta’ xi uffiċjali, il-proċess dejjem qed jaqa’ lura. Ninsab inkwetat ħafna għal oħti. Inkwetat għax naf x’periklu tista’ tgħaddi. M’għandhiex għalfejn tagħmel il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa. Kull ma nixtieq hu li l-proċess ta’ riunifikazzjoni jitħaffef. Irrid lil oħti tgħix f’pajjiż ħieles”.

  Jgħidilna li “oħti Neda tinsab fil-Pakistan u hemmhekk hemm għadd ta’ rifuġjati Afgani ħafna minnhom Hazara, li huma l-aktar grupp ippersegwitat fl-Afganistan. Qed tistenna li forsi jtuha l-permess neċessarju biex tiġi l-Italja u tingħaqad magħna. Għandi fiduċja li dan isir. L-awtoritajiet jafu bis-sitwazzjoni tagħha. Qed inħares ‘l quddiem, lejn dak il-mument li naraha quddiemi u nerġgħu inkunu flimkien”, isostni Liaqat. 

Liaqat jirrakkonta li meta telaq minn daru hu kien għadu tifel u kien jgħix f’villaġġ fil-muntanji fid-distrett ta’ Malistan.  Missieru kien kmandant mal-Hazara, grupp li ġġieldu bla heda kontra it-Talibani biex jiddefendu lill-grupp etniku tal-Hazara. Kien meta ommu saret taf li kien hemm karozza tal-linja mimlija persuni Hazara, li kienu inqatlu mit-Taliban, li hu ddeċieda li jitlaq mill-pajjiż. Ħalla pajjiżu, lil familtu. Kellu biss disa’ snin.  Kien il-bidu ta’ vjaġġ twil u diffiċli. Vjaġġ li finalment wasslu biex  reġa’ beda jgħix fil-paċi. Akkwista id-dritt li jistudja u drittijiet oħra. 

Liaqat imma kien qalilna li għad għandu xi ħaġa li għadha qed ittelliflu il-paċi. Dan hu dak li oħtu tinsab daqstant il-bogħod minnu. 

Ir-riunifikazzjoni sabet problemi u intoppi

Jgħid li oħtu tħobb ħafna l-iskola u tħobb tistudja. Hu għalhekk li qatt mhu se taċċetta li tiġi mmexxija mit-Taliban. Jenfasizza li “oħti gawdiet mil-libertà li tistudja u issa mhix se taċċetta li titlef dan id-dritt. Jien kont bdejt il-proċess ta’ riunifikazzjoni. Dan bdejtu madwar sentejn ilu.  Neda dak iż-żmien kienet għadha taħt l-età. Kienet marret fil-kapitali Kabul biex kif il-proċeduri jitlestew titlaq mill-ewwel.  Spiċċat waħidha f’belt bħal Kabul. Kont inkwetat immens għaliha u għal futur tagħha.”

Jisħaq li “xejn ma kienet faċli biex jinġabru id-dokumenti neċessarji biex isir il-proċess tar-riunifikazzjoni. Oħti ħadet xejn inqas minn sena biex ġabret id-dokumenti kollha relevanti. Fl-Afganistan hemm ħafna burokrazija u korruzzjoni. Kif indunaw li oħti kienet taħt l-età u ġejja mill-Hazara, bdew jagħmluhielha diffiċli. Meta marret l-ambaxxata Taljana f’Kabul bdew jgħidulha li hemm xi dokumenti neqsin. Kienet sitwazzjoni li bdiet issir diffiċli. Kien  hawn li jien tkellimt u indirizzajt il-kwistjoni mal-uffiċċju tal-UNHCR f’Ruma.  Bl-intervent tagħhom is-sitwazzjoni li kienet ilha tiġġebbed, issolviet f’jumejn. Biss minħabba it-titubar ta’ qabel kienet intilfet sena u perjodu daqstant twil hu kruċjali għal  proċessi ta’ riunifikazzjoni.  Kien importanti li oħti tibqa’ taħt l-età biex isir il-proċess ta’ riunifikazzjoni.”

Jinsisti li “meta suppost kellhom id-dokumenti kollha huma kellhom japplikawlha għal visa imma l-uffiċċju tal-visa f’Kabul  ma kienx qed jiffunzjona u ma kienx qed joħroġ visas. Iddeċidejna li nippruvaw min pajjiż ieħor. Hi marret l-Indja  eżattament fi New Delhi. Ġara li hemmhekk irċevejna sorpriża li ħasditna”.

Infurmati li l-proċess ta’ riunifikazzjoni kien miċħud

Liaqat jgħidilna li “ġejna infurmati li l-proċess ta’ riunifikazzjoni ma setax iseħħ u hi ma setgħetx tingħata visa għall-Italja. Ir-raġuni kienet  li l-karta tal-identità Afgana, kellha data differenti ta’ meta twieldet minn dik li kien hemm fuq wieħed mid-dokumenti li kienu inħarġu meta jien kont wasalt l-Italja. L-iżball kien wieħed li dawn għamlu traduzzjoni ħażina.  Dan kien żball burokratiku, li kkundanna l-proċess kollu u kollox kellu jerġa’ jibda mill-ġdid.  Minħabba żball ta’ uffiċjal, li ma ċċekkjax sew id-dokumenti, aħna bqajna mifrudin.”

Tiskadi l-visa li kellha biex marret l-Indja… visa għal Olanda biex tistudja u xorta ma aċċettawhiex

Jgħid li “fil-frattemp il-visa biex marret l-Indja skadiet u hi kellha terġa’ tirritorna f’Kabul.  Nadia tħobb ħafna tistudja u anke kien irnexxielha iġġib visa biex tmur tistudja l-Olanda. Ġara iżda li meta marret l-Ambaxxata Olandiża bid-dokumenti kollha li kellha, ma tawhiex permess tmur. Qalilha li kienu infurmati li s-sitwazzjoni fl-Afganistan kienet qed teħżien, li t-Taliban kienu qed javvanzaw, u li kienu jafu li jekk tmur tistudja hi ma kinitx se tirritorna lejn Kabul.  Din kienet daqqa oħra kbira għalina.”

Taħrab lejn il-Pakistan… jien għamilt il-vjaġġ ta’

 9 snin u ma rrid lil ħadd jagħmlu

Jitkellem dwar l-aħħar avvenimenti, u jgħid li “qabel it-Taliban waslu f’Kabul, Neda ħarbet lejn il-Pakistan. Illum hi tinsab fi Quetta. Qed tistenna li forsi jkollha risposta pożittiva mill-Qorti f’Ruma. Qed nistennew dan għax jien għamilt appell. Dan għamiltu għax nemmen li mhux ġust li oħti tkun sfurzata taħrab mill-Pakistan biex tagħmel il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa.  Jien għamilt dak il-vjaġġ meta kelli disa’ snin u ma nirrakkomanda lil ħadd li jagħmlu.  Kieku bqajt fl-Afganistan,  kien ikun ifisser li rridu ngħix taħt it-Taliban bir-riskju li ninqatel. Fl-aħħar jien irċevejt għadd kbir ta’ telefonati minn ħbieb tiegħi żgħażagħ fl-Afganistan. Jibku. Imbeżżgħin. Qegħdin f’din is-sitwazzjoni  minħabba li kienu membri tal-armata u l-pulizija.  Dawn imbeżżgħin li jistgħu jinkixfu minn ġirien jew jinqabdu mit-Taliban. Dawn konxji li t-Taliban jakkużawk u jsibuk ħati mingħajr ma jsir proċess ġust.  Missieri dejjem kien fuq quddiem jiġġieled u jopponi lit-Taliban. Isimna magħruf magħhom.  Jien ukoll esponejt ismi biex nopponi lit-Taliban għalkemm mill-Italja. Ma rridx li oħti tispiċċa tbati vendikazzjoni minħabba fina”.

Bdejt nifli r-ritratti u filmati fl-ajruport ta’ Kabul biex forsi nara hemmx oħti

“Meta inqala’ l-kaos fl-ajruport ta’ Kabul bdejt nara bħal ħafna oħrajn dawk ix-xeni fl-ajruport ta’ Kabul, bdejt nifli ir-ritratti u l-filmati biex nara forsi nara lil oħti. Ittamajt li forsi kienet għadha f’Kabul.  Kont imħasseb għalija u kont naf li psikoloġikament din hi imkissra. Jien irrid li oħti tgħix f’pajjiż liberu. Ix-xewqa tiegħi hi li ningħaqdu flimkien issa li naf li ħarbet lejn il-Pakistan” kien qalilna Liaqat. 

Din ix-xewqa tiegħu twettqet proprju xahrejn wara, fejn b’ħidma minn diversi kwartieri u organizazzjonijiet hi irnexxielha tingħaqad ma’ ħuha u familtu.

Sport